Lokali

Żewġ Libjani l-isptar wara inċident serju f’Marsaxlokk

Żewġt irġiel Libjani ġew involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ dalgħodu, għall-ħabta tat-8:00am, fi Triq Marsaxlokk, Marsaxlokk.

Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li raġel ta’ 35 sena, residenti l-Imsida, tilef il-kontroll tal-karozza Toyota Yaris li kien qed isuq u baqa’ dieħel f’arblu u f’ħajt. Miegħu fil-karozza kien hemm Libjan ieħor ta’ 28 sena, residenti s-Swieqi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 28 sena l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.