Lokali

Aktar minn 500 żagħżugħ involuti fil-lokalitajiet permezz tal-Kunsilli tat-Tfal

Aktar minn 500 żagħżugħ u żagħżugħa qed jgħinu b’mod attiv biex jiffurmaw il-komunitajiet tagħhom wara li 65 kunsill lokali u reġjonali waqqfu kunsilli dedikati għat-tfal.

Il-Kunsilli Lokali tat-Tfal, inizjattiva maħsuba mill-Eks President Marie-Louise Coleiro Preca, huma parti mir-Regional Interactive Guiding Hub & Training Society (RIGHTS), wieħed minn 10 proġetti li ġew iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea minn fost 154 sottomissjoni Ewropea f’Diċembru tal-2023.

Dan il-proġett huwa kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Marie-Louise Coleiro Preca, li hija wkoll Chairperson tal-Fondazzjoni, qalet li l-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ lill-ulied biex ikollhom influwenza fuq id-deċiżjonijiet fil-komunità tagħhom u biex jingħataw leħen fil-politika li jolqtuhom direttament.

Coleiro Preca kienet qed titkellem waqt konferenza fil-Kulleġġ San Benedittu, f’Ħal Kirkop, li attendew għaliha wkoll il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima u s-Segretarja Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

Il-proġett RIGHTS kiseb €200,000 f’fondi mill-UE fl-2023 u jirrappreżenta 10 snin xogħol mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà.