Il-Ħadd filgħaxija f’Ħal Għaxaq u fil-Għargħur kienet organizzata l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira; proprju f’Ħadd il-Palm.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech, flimkien mal-mara tiegħu AnneMarie Grech kienu man-nies tal-Għargħur isegwu lill-parteċipanti f’din il-purċissjoni – mill-bandisti sar-reffiegħa, u dawk kollha li jilbsu l-kostumi tal-personaġġi li huma marbuta mal-ġrajja tal-passjoni.
Preżenti fil-Għargħur kien hemm numru ta’ deputati u kandidati tal-PN illi ltaqgħu mal-familji li kienu miġbura għal din l-okkażjoni. Fil-Għargħur ukoll, Bernard Grech żar anke wirjiet li jiġu organizzati f’din il-lokalità. Il-kap tal-PN kien akkumpanjat fost l-oħrajn mis-Sindku tal-Għargħur.
Intant, aktar kmieni matul il-jum tal-Ħadd, Bernard Grech żar l-Imqabba u l-Qrendi fejn kellu l-opportunità jitkellem mal-volontieri li jorganizzaw diversi wirjiet f’dan iż-żmien tas-sena.
Fil-Qrendi, Bernard Grech intlaqa’ kemm fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Santa Marija kif ukoll fil-Każin tas-Socjetà Filarmonika Lourdes. Dan apparti li żar ukoll wirjiet oħrajn.
Fl-Imqabba, il-Kap tal-PN żar il-Każin tal-Ġilju u anke l-Każin ta’ Santa Marija. Dan filwaqt li żar liż-żgħażagħ li qed jorganizzaw rappreżentazzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fix-xelter.
Bernard Grech kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, mid-deputat Stanley Zammit u mis-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv Stefan Caruana. Preżenti kien hemm ukoll numru ta’ kunsillieri tal-PN.
//= $special ?>