L‑Arċisqof Charles Scicluna jistieden lill‑Insara biex jieħdu sehem fiċ‑ċelebrazzjonijiet marbuta mal-jiem tal-Għid li matulhom il‑Knisja Kattolika tfakkar il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. F’dawn il‑jiem qaddisa, l‑Arċisqof se jippresiedi ċ‑ċelebrazzjonijiet li se jsiru fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta.
Il‑Ħamis 17 ta’ April, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma fejn jitbierku ż‑żjut biex jintużaw waqt is‑sagramenti sa Ħamis ix‑Xirka ieħor. Waqt il‑quddiesa, is‑saċerdoti djoċesani u reliġjużi jġeddu l‑wegħdiet li għamlu fl‑ordinazzjoni tagħhom. Fis‑6pm issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej, fejn fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn għadd ta’ persuni. Fi tmiem il‑quddiesa, l‑Arċisqof iwassal l‑Ewkaristija fl‑kappella tar‑ripożizzjoni għall‑qima tal‑Insara.
Il‑Ġimgħa 18 ta’ April, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fid‑9:30am, l‑Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum. Fit‑3:30pm l‑Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, li tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑adorazzjoni tas‑salib u t‑tqarbin.
F’Sibt il‑Għid, 19 ta’ April, fid‑9:30am, l‑Arċisqof, se jmexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum. Fit‑8pm l‑Arċisqof imexxi l‑Liturġija tal‑Vġili tal‑Għid. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑tberik tan‑nar ġdid fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral u tkompli bil‑Liturġija tal‑Kelma, il‑Liturġija tal‑Magħmudija u l‑Liturġija tal‑Ewkaristija. Matul din iċ‑ċelebrazzjoni se jiġu amministrati s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lill‑adulti.
Il‑Ħadd, 20 ta’ April, Ħadd il‑Għid, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.