Knisja Lokali

Ċelebrazzjonijiet liturġiċi mmexxija mill-Arċisqof fil-jiem tal-Għid

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

L-Arċisqof Charles Scicluna jistieden lill-Insara biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-jiem tal-Għid li matulhom il-Knisja Kattolika tfakkar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

F’dawn il-jiem qaddisa, l-Arċisqof se jippresiedi ċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Il-Ħamis 17 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra l-Quddiesa tal-Griżma fejn jitbierku ż-żjut biex jintużaw waqt is-sagramenti sa Ħamis ix-Xirka ieħor. Waqt il-quddiesa, is-saċerdoti djoċesani u reliġjużi jġeddu l-wegħdiet li għamlu fl-ordinazzjoni tagħhom. Din se tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta.

Fis-6pm issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej, fejn fuq l-eżempju ta’ Ġesù, l-Arċisqof jaħsel riġlejn għadd ta’ persuni. Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof iwassal l-Ewkaristija fil-kappella tar-ripożizzjoni għall-qima tal-Insara. Din se tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.

Il-Ġimgħa 18 ta’ April, il-Ġimgħa l-Kbira, fid-9:30am, l-Arċisqof imexxi l-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum. Dan se jixxandar fuq TVM+, Knisja.mt u Newsbook Malta.

Fit-3:30pm l-Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej, li tinkludi r-Rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann, l-adorazzjoni tas-salib u t-tqarbin. Din se tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.

F’Sibt il-Għid, 19 ta’ April, fid-9:30am, l-Arċisqof, se jmexxi l-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum. Dan se jixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta. Fit-8pm l-Arċisqof imexxi l-Liturġija tal-Vġili tal-Għid.

Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-tberik tan-nar ġdid fuq iz-zuntier tal-Konkatidral u tkompli bil-Liturġija tal-Kelma, il-Liturġija tal-Magħmudija u l-Liturġija tal-Ewkaristija. Matul din iċ-ċelebrazzjoni se jiġu amministrati s-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lill-adulti. Din se tixxandar fuq TVM+, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.

Il-Ħadd, 20 ta’ April, Ħadd il-Għid, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din se tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.