Futbol Sport

FILMAT | L-Eks President ta’ Valletta, Joe Caruana Curran jissorprendi lil Claudio Grech waqt Replay

Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo
Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo

L-Eks President ta’ Valletta, Joe Caruana Curran issorprenda lill-President attwali tal-klabb Belti, Claudio Grech u f’Replay tal-Ħadd, l-għada taċ-ċelebrazzjonijiet mill-partitarji tal-kapitali f’jum il-preżentazzjoni tat-trofew taċ-Challenge League.

Grech kien il-mistieden speċjali ta’ Christian Micallef, fid-diskussjoni tal-Ħadd filgħaxija dwar il-futbol lokali, u f’ħin minnhom, waqt li Grech kien qed jagħmel referenza lejn l-imgħoddi glorjuż ta’ Valletta FC u s-sehem li taw id-diversi Presidenti li kellu dan il-klabb, Micallef waqqaf lil Grech biex jinfurmaħ li permezz ta’ kollegament awdjoviżiv, xtaq jintervjena persuna għaliex kellu messaġġ x’jgħaddi lil Grech.

Micallef sellem lil Joe, b’referenza għal Joe Caruana Curran, l-Eks President ta’ suċċess ta’ Valletta li serva fir-rwol ta’ tmexxija amministrattiva tal-klabb bejn l-1987 u l-2003.

Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo

Caruana Curran kellu kliem ta’ tifħir għall-kuraġġ ta’ Grech, li assuma l-kariga ta’ President ta’ Valletta FC fl-aktar mument dgħajjef u diffiċli li qatt għadda minnu l-klabb. Fit-tmiem tal-istaġun li għadda, meta Valletta sfaw relegati għall-ewwel darba għaċ-Challenge League, il-moral tal-partitarji Beltin kien taħt il-blat, u s-sitwazzjoni finanzjajra kienet waħda inkwetanti.

Kien f’dan il-mument, li Grech għażel li jersaq ‘il quddiem bi pjan ta’ azzjoni u bidla fid-direzzjoni fit-tmexxija tal-klabb. Hu sar President wara li kien għadu kemm temm karriera ta’ żewġ legiżlaturi bħala Deputat tal-Partit Nazzjonalista fuq l-Ewwel Distrett.

F’intervent qasir, waqt ix-xandira diretta fuq Net Television, Caruana Curran spjega l-ammirazzjoni tiegħu lejn Grech u l-fatturi li skont hu kienu determinanti biex wittew it-triq sabiex Valletta, wara biss staġun, rebaħ il-promozzjoni għal mal-kbar tal-futbol Malti.

Segwi dan l-intervent ta’ Caruana Curran f’Replay, fejn ma naqsux il-battuti nebbiexa lejn Grech.

Accept Analitiċi cookies to view the content.