Apparti Valletta, champions taċ-Challenge League u l-ewwel tim li kien promoss għall-Malta Premier, ilbieraħ filgħaxija kienu promossi wara erba’ staġuni fiċ-Challenge League, Tarxien Rainbows.
Huma temmew il-Kampjonat fit-tieni post, b’total ta’ 39 punt; għoxrin punt taħt ir-rebbieħa tal-Kampjonat, Valletta.
Taħt it-tmexxija ta’ Jacques Scerri, qabel l-aħħar match day taċ-Challenge League, Tarxien Rainbows kellhom bżonn punt wieħed biss biex jaċċertaw mill-promozzjoni u hekk għamlu. It-Tarxiniżi lagħbu l-aħħar konfront tal-Kampjonat għal dan l-istaġun kontra Mġarr United, f’partita li ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.
L-importanti għal Tarxien Rainbows kien li ma jitilfux f’din l-aħħar logħba, u rrelevanti mir-riżultat li kienu se jiksbu t-tim ta’ warajhom, f’dan il-każ Swieqi United, Tarxien Rainbows kienu jkunu promossi. Swieqi United kellhom għadma iebsa meta l-aħħar logħba tagħhom għal dan l-istaġun kienet kontra Santa Lucia, f’konfront li ntemm fi draw ta’ 2-2.
B’hekk wara erba’ staġuni fiċ-Challenge League, Tarxien Rainbows se jkunu qed jirritornaw fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Intant, fit-tmiem ta’ dan il-Kampjonat, iż-żewġ timijiet li sfaw relegati għall-IZIBET National League 1 huma Lija Athletic u Senglea Athletic.
//= $special ?>