Il-Bank of Valletta u l-General Workers Union iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-perjodu 2025-2027. Għall-ewwel darba, dan il-ftehim jiġbor flimkien l-impjegati kollha tal-Bank – sew dawk li jaħdmu fl-operat ewlieni kif ukoll f’impjiegi anċillari – taħt qafas waħdieni unifikat. Dan il-ftehim jimmarka pass ieħor sinifikanti ’l quddiem fl-istrateġija tal-Bank b’risq l-impjegati b’viżjoni fit-tul lejn tkabbir, trasformazzjoni, inklużività u benesseri.
Dan il-ftehim ġie ffirmat fil-BOV Centre f’Santa Venera mill-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia, miċ-Chief People & Culture Officer Ray Debattista, Lawrence Schembri u Melco Mallia mill-BOV Quality & Governance Department, mis-Segretarju tal-GWU Professionals, Riccarda Darmanin, u mill-membri tal-Kumitat tal-Grupp BOV. Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, Gordon Cordina.
Dan il-ftehim il-ġdid, jibni fuq numru ta’ inizjattivi li ħa l-Bank riċentament. Fost l-oħrajn it-tnedija ta’ Skema Volontarja ta’ Pensjoni fuq il-Post tax-Xogħol (VOPS) fl-2022.
Il-ftehim huwa riżultat ta’ djalogu wiesgħa u kostruttiv bejn il-Bank u l-Union, mibni fuq rispett reċiproku u l-għan komuni li jipprovdi l-aqwa ambjent tax-xogħol għall-impjegati biex jifjorixxu.
//= $special ?>