Internazzjonali

Il-Greċja: Grupp anonimu ta’ militanti jassumi responsabbiltà għall-isplużjonijiet f’Ateni

Grupp ġdid magħmul mill-militanti tax-xellug u bl-isem ‘Klassi Rivoluzzjonarja għad-Difiża’ assuma responsabbiltà għal żewġ inċidenzi ta’ splużjonijiet riċenti  f’Ateni – fosthom l-isplużjoni ta’ nhar il-Ġimgħa barra l-uffiċċji tal-kumpanija Hellenic Train.

L-isplużjoni tal-Ġimgħa ħalliet ammont ta’ ħsarat iżda l-ebda midruba. Dan wara li xi persuni anonimi kienu bagħtu twissija dwar ‘l-intenzjonijiet għall-isplużjoni’ lill-entitajiet tal-midja, minn xi 40 minuta qabel.

Sadanittant, il-grupp tal-estremisti, li ftit hemm magħruf dwaru, qal ukoll li kien responsabbli għal tagħmir splussiv ieħor li kien attivat viċin il-bini għall-Ministeru tax-Xogħol fil-kapitali. Azzjoni li tmur lura għall-ewwel ġranet ta’ Frar.

U permezz ta’ stqarrija fit-tul li qed tiċċirkola fuq il-midja soċjali, il-grupp tal-militanti sostna li l-attakki qed isiru bħala parti minn kampanja ta’ oppożizzjoni armata kontra l-Istat. Azzjonijiet li l-militanti qed jiddedikaw ‘lill-poplu Palestinjan u r-reżistenza tiegħu karatterizzata mill-elementi qawwija ta’ eroiżmu’.