Lokali Saħħa

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iżur il-pazjenti tar-Rainbow Ward

“Puttinu Cares huwa parti integrali mis-soċjetà tagħna u l-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli joffri l-għajnuna sabiex jaċċerta li l-pazjenti jieħdu kura tal-aqwa kwalità.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel fir-Rainbow Ward fi ħdan id-Dipartiment tal-Onkoloġija fejn matulha tkellem ma’ diversi tfal, tobba, infermieri kif ukoll professjonisti u ħaddiema oħrajn fl-Onkoloġija.

Matul din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem mat-tmexxija fi ħdan id-Dipartiment tal-Onkoloġija kif ukoll ma’ diversi infermieri fejn spjegaw dak li jaffaċċjaw ta’ kuljum kif ukoll esprimew il-bżonn li jissaħħu b’aktar staff.

Minn naħa tiegħu Bernard Grech sostna li Puttinu qed jibqa’ spalla għall-poplu Malti u Għawdxi fl-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjithom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li fi żjara bħal din seta’ japprezza aktar mill-qrib il-ħidma li ssir ta’ kuljum minn Puttinu Cares, filwaqt li spjega kif f’dan id-Dipartiment tinħass l-għaqda u s-sens kbir ta’ appoġġ.

Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista kommess li jara li l-pazjenti jieħdu servizz u kura tal-aqwa kwalità filwaqt li saħaq fuq l-importanza li NGO bħal Puttinu tkompli tingħata l-għajnuna meħtieġa.

Minn naħa tagħha l-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri qalet li matul is-sena jaraw tbatijiet kbar; iżda l-pazjenti huma kollha mimlijin kuraġġ. Dan filwaqt li sostniet li din il-ħidma hija possibbli grazzi għall-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Adrian Delia, Ian Vassallo u Graziella Galea. U preżenti kien hemm ukoll il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela u l-Ministru Julia Farrugia.