Kurżitajiet Lokali

‘Inside Out 2’ kien l-aktar film popolari fis-swali taċ-ċinema f’pajjiżna

Fl-2024, iċ-ċinemas f’Malta u Għawdex urew 391 titlu differenti taʼ films, filwaqt li l-udjenza tagħhom laħqet il-555,858 entratura. Dan kien żvelat minn ċifri ppubblikati llum mill-NSO.

Fl-2024, kien hemm sitt stabbilimenti taċ-ċinema li kellhom b’kollox 23 skrin u kapaċità ta’ 3,884 post bilqiegħda. Minn dawn is-sitt ċinemas, tnejn jinsabu f’Għawdex.

Is-sena li għaddiet kienu murija b’kollox 391 titlu ta’ film fi 30,838 wirja, u għaldaqstant dan jammonta għal medja ta’ 79 wirja għal kull film. Għall-wiri ta’ dawn il-films, is-swali taċ-ċinemas irreġistraw udjenza ta’ 555,858. Il-produzzjonijiet Maltin, li ħafna minnhom kienu tax-xorta tal-films qosra aktar milli ta’ films prinċipali, kellhom 8,279 entratura b’total ta’ dħul gross li laħaq is-€66,143 fʼ174 wirja.

Min-naħa l-oħra, produzzjonijiet barranin, li minbarra l-films tradizzjonali kienu jinkludu wkoll iċ-ċinema tal-avvenimenti, kellhom 547,579 entratura b’total ta’ dħul gross li ammonta għal €4,586,658 fi 30,664 wirja.

Matul l-2024, l-udjenzi taċ-ċinema kellhom għażla ta’ 391 titlu differenti ta’ films, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu films taʼ finzjoni. Dawn il-films ġibdu lejhom 58.2 fil-mija tal-entraturi kollha.

L-aktar films popolari kienu ‘Inside Out 2’, ‘Gladiator II’ u ‘Despicable Me 4’, li rreġistraw 7.1 fil-mija, 6.2 fil-mija u 6.0 fil-mija tal-entraturi kollha, rispettivament.

Il-biċċa l-kbira tal-films murija fiċ-ċinemas kienu kklassifikati bħala “12A” u “15” fʼtermini tal-klassifikazzjoni tal-età. Fil-fatt, 38.9 fil-mija tal-films ipprojettati fl-2024 kienu kklassifikati bħala “12A”, filwaqt li 29.7 fil-mija kienu kklassifikati bħala “15”. Min-naħa l-oħra, 3.8 fil-mija biss tal-projezzjonijiet kienu kklassifikati bħala “18”.

Fl-2024, 53.5 fil-mija tal-films murija damu bejn 76 u 120 minuta. Il-wirjiet tal-tip “Live/Encore”, inklużi opri, balletti, u teatru, kellhom l-itwal ħin b’medja ta’ 168 minuta. Min-naħa l-oħra, il-films taʼ animazzjoni kellhom l-iqsar ħin ta’ dewmien bʼmedja ta’ 79 minuta.

Is-sena l-oħra, iċ-ċinemas kienu qegħdin iħaddmu medja ta’ 105 persuni, li l-maġġoranza tagħhom kienu mqabbda fuq bażi part-time.