Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Imressqa dwar il-logħob tal-ażżard ‘abbużiv’ relatat mad-data tal-elezzjoni

Eks deputat parlamentari, flimkien ma’ eks diretturi u oħrajn b’konnessjoni qawwija mal-Partit Konservattiv Britanniku qed jiffaċċjaw akkużi formali dwar logħob tal-ażżard ‘inaċċettabbli’. Akkużi li tressqu mill-Gambling Commission wara l-investigazzjoni tas-sena l-oħra dwar persuni li lagħbu l-flus fuq meta kellha ssir l-elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit u li bbażaw fuq l-informazzjoni li ngħatatilhom b’mod kunfidenzjali.

Il-Kummissjoni qalet li l-investigazzjoni konċentrat fuq l-individwi suspettati b’li użaw dik l-informazzjoni kunfidenzjali biex iqarrqu u jiggwadanjaw b’mod skorrett mis-suq tal-betting, Dan wara li huma kienu fost il-ftit privileġġjati li kienu jafu meta l-elezzjoni kienet se ssir u meta huma, allegatament,  ħadu vantaġġ mis-sitwazzjoni.

Fost l-akkużati hemm l-eks deputat tat-Tories, Craig Williams u Russell George, membru tas-Senedd li kien sospiż mill-grupp tal-Konservattivi f’Wales wara li hu kien iffaċċjat bl-akkużi partikulari.

Il-kelliema għall-Partit Konservattiv fl-Oppożizzjoni qalu li l-partit tagħhom ‘jemmen fil-ħtieġa li kull min hu involut fil-politika għandu jaħdem b’mod integru u trasparenti’.

Dan fost il-konferma li l-membri attwali tal-partit li qed jiffaċċjaw l-akkużi spiċċaw sospiżi mill-Partit tat-Tories b’effett immedjat.

L-inċidenti tal-betting illegali saru f’Mejju li għadda u l-Partit Konservattiv sostna li qed jikkoopera bis-sħiħ mal-Gambling Commission biex jaċċerta li l-investigazzjoni ma tiltaqa’ mal-ebda intoppi sakemm il-proċess ikun konkluż.