Lokali

Jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa 2025 fost insib mhux regolat u illegalitajiet ta’ kuljum – BirdLife Malta

BirdLife Malta qalet li hemm kaċċa illegali rampanti qabel il-ftuħ uffiċjali tal-istaġun minħabba nuqqas ta’ infurzar u trasparenza.

Fl-aħħar jiem episodji ta’ kaċċa illegali fuq il-gamiem ġew irreġistrati kuljum, minkejja li l-istaġun uffiċjali tar-rebbiegħa għall-gamiem, kien għadu ma nfetaħx. Minn meta beda l-kamp Spring Watch ta’ BirdLife Malta fl-10 ta’ April, timijiet iddokumentaw każijiet ta’ sparar kuljum filgħodu fuq iż-żewġ gżejjer. Fil-11 ta’ April, sparaw fuq Ċikonja Sewda li dehret fil-Majjistral ta’ Malta u l-għasfur ma deherx aktar. Il-kaċċa illegali żdiedet il-Ħadd filgħodu fin-nofsinhar ta’ Malta.

BirdLife Malta ġabret evidenza ta’ mill-inqas erba’ każijiet, li issa mistennija jitressqu l-Qorti mill-Pulizija tal-Environment Protection Unit (EPU). F’wieħed mill-aktar każijiet serji, kaċċatur fil-Bidnija nqabad wara li spara fuq gamiema b’senter mgħammar b’silencer. Minkejja li pprova jaħrab, Pulizija tal-EPU li ssejħu fuq il-post minn BirdLife Malta, sabu kemm is-senter moħbi kif ukoll gamiema mejta. Sfortunatament, każ simili fin-nofsinhar ta’ Malta ma setax jiġi indirizzat mill-EPU, peress li dan kien diġà okkupat bil-każ tal-Bidnija.

Il-preżenza tal-Pulizija fil-kampanja f’dawn l-aħħar jiem kienet minima, b’timijiet ta’ infurzar li ma setgħux jaġixxu fuq l-illegalitajiet kollha rrappurtati. Rapporti saru wkoll mill-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) u l-Malta Ranger Unit (MRU), li magħhom BirdLife Malta tikkollabora kontinwament. L-ammont ta’ Pulizija mistennija jiżdiedu mil-lum, skont ir-rekwiżit li jkun hemm seba’ uffiċjali ta’ infurzar għal kull 1,000 liċenzja tal-kaċċa.

Il-Wild Bird Regulation Unit (WBRU) għadu ma ppubblikax in-numru totali ta’ liċenzji tal-kaċċa maħruġa u lanqas id-distribuzzjoni tagħhom madwar Malta u Għawdex, minkejja talbiet ripetuti għal din l-informazzjoni. Abbażi ta’ kalkoli fuq snin preċedenti, mistennija aktar minn 8,000 kaċċatur li jfisser li għandu jkun hemm minn tal-anqas 56 pulizija jagħmlu r-rondi fil-kampanja. Mill-esperjenza, BirdLife Malta tiddubita ħafna kemm dan ir-riżors uman huwa disponibbli biex jintlaħaq l-obbligu ta’ din id-deroga. Jitħalla jsir insib illegali bl-iskuża ta’ riċerka, mingħajr bażi legali jew sorveljanza.

Fl-istess ħin, l-insib għall-gamiem mistenni jibda taħt l-hekk imsejħa ‘inizjattiva ta’ riċerka’ mmexxija minn waħda miż-żewġ federazzjonijiet tal-kaċċa, l-FKNK– minkejja li ma nħarġet l-ebda leġiżlazzjoni biex tippermetti din id-deroga. Filwaqt li l-NGOs għadhom ma jafux x’se jkun permess, għadu mhux ċar lanqas jekk l-awtoritajiet ta’ infurzar bħall-EPU u l-Pulizija ta’ Għawdex, ġewx informati dwar l-ambitu ta’ din id-deroga għall-insib.

Il-prattika, ippreżentata bħala riċerka xjentifika, hija attentat ieħor biex iddur mal-liġi tal-UE. L-insib għall-gamiema waqt il-passa tar-rebbiegħa huwa strettament projbit taħt id-Direttiva tal-Għasafar tal-UE u l-istess tip ta’ deroga diġà kienet twaqqfet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011. Lattentat tal-FKNK li tippreżenta l-insib bħala sforz ta’ konservazzjoni huwa nieqes kemm mil-lat xjentifiku kif ukoll dak legali u huwa sostnut biss minn vot ta’ maġġoranza tal-Kumitat Ornis.

Staġun tal-kaċċa mingħajr data waqt li Malta tisfida rrakkomandazzjonijiet u s-salvagwardji legali tal-UE.
Skont il-qafas regolatorju, il-kaċċa fir-rebbiegħa tista’ tiftaħ biss jekk fl-istaġun preċedenti, il-qabdiet iddikjarati jkunu taħt limitu stabbilit. Dawn iċ-ċifri, li normalment jippubblika l-WBRU, għadhom ma nħarġux. Data preċedenti wriet li huma biss frazzjoni żgħira ta’ kaċċaturi liċenzjati li jirrapportaw xi attività u dan jimmina l-bażi legali biex tiġi ġġustifikata l-ħtieġa għal ftuħ ta’ staġun ta’ kaċċa fir-rebbiegħa.

“Dak li għandna llum huma illegalitajiet permessi mill-istat. Minn nuqqas ta’ pulizija fuq ronda fil-kampanja qabel l-istaġun, għal dati tal-istaġun tal-kaċċa li tressqu apposta biex jaħbtu mal-milja tal-passa tal-gamiema, għall-insib mhux regolat tal-gamiema fil-ġimgħat li ġejjin – filwaqt li l-istatistiċi dwar l-istaġun qed jinżammu mistura.

BirdLife Malta qed taraw kompliċità politika fl-erożjoni ta’ dak li suppost huma derogi b’superviżjoni stretta u regolati. Malta mhux biss qed tikser l-obbligi tal-UE, iżda qed titmejjel bihom,” iddikjara Nicholas Barbara, Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta.

BirdLife Malta qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jirrapporta kwalunkwe illegalità li jiltaqa’ magħha fil-kampanja, speċjalment każi ta’ nsib, peress li għadu mhux ċar jekk l-awtoritajiet tal-infurzar ġewx informati kif suppost.

BirdLife Malta se tirrapporta wkoll formalment lill-Kummissjoni Ewropea, la Malta qed tkompli tinjora r-rakkomandazzjonijiet mit-Task Force tal-UE għall-irkupru tal-għasafar biex twaqqaf għal kollox il-kaċċa għall-gamiem.

Il-persekuzzjoni kontinwa ta’ din l-ispeċi li qed tonqos – fl-2025 se tippersisiti bil-kaċċa u kif ukoll bl-insib filwaqt li Malta għadha għaddejja bi proċeduri ta’ ksur fuq l-istess kwistjoni. Illegalitajiet għandhom jiġu rrapportati fuq in-numri 21347645/79255697 jew fuq FB messenger ta’ BirdLife Malta.