Lokali Qorti

Jingħata l-libertà proviżorja għas-sitt darba

Raġel ta’ 33 sena mixli li kkawża ħabta meta kien qed isuq b’veloċità eċċessiva waqt li kien qed jaħrab mill-pulizija wara li aggredixxa lit-tfajla tiegħu fil-pubbli, ingħata s-sitt ħelsien mill-arrest. Melvin Debono, magħruf aħjar bħala “il-Quws”, tressaq il-Qorti xahrejn ilu u mixli b’madwar 15-il akkuża kriminali b’rabta ma’ inċident li rah jikkawża ħabta b’veloċità kbira waqt li kien qed jaħrab mill-Pulizija.

Fil-11 ta’ Frar, il-Qorti semgħet li l-Pulizija rċeviet telefonata dwar ġlieda fiż-Żurrieq. Hekk kif resqu lejn l-inħawi, għarfu l-BMW ta’ Debono iżda ma setgħux jaraw min kien qed isuqha, peress li t-twieqi kienu “tinted”. L-uffiċjali tal-pulizija f’xi ħin irnexxielhom iwaqqfu l-vettura.

L-uffiċjali saqu wara l-BMW ta’ Debono sakemm il-vettura tar-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija ħabtet ma’ vettura oħra f’Ħal Tarxien. Il-BMW ħarbet minn fuq il-post. Iż-żewġ uffiċjali tal-pulizija ġewwa l-vettura, kif ukoll ix-xufier tal-vettura l-oħra, ġew ikkurati għall-ġrieħi tagħhom.

Meta tressaq il-Qorti, irriżulta wkoll li Debono nqabad fuq filmati tas-CCTV jattakka lil sieħbu f’bar taż-Żurrieq u mbagħad spiċċċa jiġġieled ma’ xi nies li kienu fil-bar.

Ir-raġel suppost kellu jkun id-dar fil-ħin tal-inċident minħabba curfew impost mill-Qorti. Debono diġa ffaċċja diversi akkużi kriminali, fosthom li kkaġuna ġrieħi ħfief lis-sieħba tiegħu u li kkaġunaha biża’ mill-vjolenza, sewqan bl-addoċċ, li ma obdiex ordnijiet tal-Pulizija, u li kiser ħames settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ.

Il-prosekuturi akkużawh ukoll li kiser ordni ta’ probation imposta mill-Qorti li ngħatatlu minn Qorti ġimgħa biss qabel il-proċess. Huwa wieġeb mhux ħati. F’Jannar, Debono kien mixli li injora l-curfew tiegħu impost mill-Qorti tliet xhur biss wara li kien akkużat li kiser diversi kundizzjonijiet ta’ pleġġ.

Il-Qorti laqgħet it-talba għal libertà proviżorja wara li l-Uffiċjal tal-Probation Ritianne Sultana Grech ġiet imħarrka biex tixhed mill-avukat difensur Franco Debono. Fix-xhieda tagħha, hija qalet lill-Qorti li Debono wera “determinazzjoni qawwija” biex jaqleb paġna ġdida f’ħajtu.

Kien lest ukoll jissottometti ruħu għal kull pjan ta’ kura mfassal mill-uffiċjal tal-probation. Bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ordnatlu biex jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija u ordnatlu jkun id-dar bejn is-6.30pm u s-7.30am. Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ superviżjoni.

Il-Maġistrat Gabriella Vella semgħet il-każ. L-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Jeffrey Scicluna Briffa, John Leigh Howard u Kurt Farrugia mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għal Melvin Debono.