Starlites……………71
Hibernians……..58
(26-18)(21-16)(13-15)(11-9)
Starlites wieġbu b’mod ċar u qawwi fit-tieni logħba tas-serje finali tal-kampjonat tal-irġiel ta’ taħt it-23 sena, hekk kif għelbu lil Hibernians 71-58 f’wirja ta’ kontroll mill-bidu sal-aħħar. Wara t-telfa fl-ewwel logħba, kienu b’saħħithom kemm fl-offiża kif ukoll fid-difiża, speċjalment matul l-ewwel żewġ taqsimiet fejn ħolqu distakk li Hibs qatt ma rnexxielhom jgħelbu.
Il-logħba fetħet b’vantaġġ bikri għall-Hibs b’Matthew Attard li fetaħ b’żewġ trippli u layup għal skor ta’ 2-8. Iżda minn hemm ‘il quddiem kienu Starlites li ħadu l-kmand tal-partita fosthom b’run ta’ 15-1. Huma kellhom punti konsekuttivi minn Miguel Fabri flimkien ma’ Matthew Scerri u Aleks Sultanau temmew l-ewwel sessjoni 26-18 minn fuq.
Fit-tieni sessjoni, Starlites fetħu b’run ta’ 11-1 fosthom żewġ trippli ta’ Luca Riolo u oħra Miguel Fabri ġabu l-iskor sa 37-19, l-akbar vantaġġ tal-partita (+18). Hibs wieġbu bi break ta’ 12-0 b’żewġ trippli ta’ Stefan Simic, però Starlites għamlu run oħra ta’ 10-3 fosthom basket ta’ Luke Attard mal-buzzer finali u daħlu jistrieħu 47-34 minn fuq.
It-tielet sessjoni rat lil Hibs jagħmlu l-almu tagħhom biex jirritornaw fil-partita. Trippla ta’ Simic u punti ta’ Mallia u Cassar ressquhom sa sitt punti ‘l bogħod mill-avversarji 51-45. Starlites wieġbu bi tliet baskets mingħajr risposta u għalkemm Hibs kellhom risposta minn Cassar u Attard, trippla ta’ M. Fabri għalqet is-sessjoni favur Starlites fuq skor ta’ 60-49.
Hibs fetħu r-raba’ perjodi bi break ta’ 9-1 b’punti minn Simic, Mallia u Cassar biex naqqsu d-distakk għal 4 punti 62-58. Dawn, però, kienu l-uniċi punti tagħhom fit-taqsima għaliex minn hemm ‘il quddiem kienu biss Starlites li għamlu l-punti fosthom żewġ trippli konsekuttivi ta’ Scerri hekk kif ħarġu rebbieħa 71-58.
Starlites: K. Fabri 11, S. Aquilina 2, M. Micallef, A. Sammut, L. Attard 2, M. Fabri 22, L. Riolo 9, M. Scerri 13, A. Sultana 12, N. Sultana, JJ. Dimech.
Hibernians: N. Cassar 15 Z. Fenech, L. Attard 2, V. Kustodija 2, M. Attard 12, S. Simic 18, M. Mallia 7, T. Gjurovski 2, S. Dabic.
Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic.
//= $special ?>