Kummerċ Lokali Unjoni Ewropea

Kif għandek tipproteġi n-negozju tiegħek…

Probabbli diġà taf kemm hu importanti li jkollok trademark innovativ li jiġbed l-attenzjoni biex b’hekk tattira aktar klijenti lejn il-prodott jew servizz tiegħek. Madanakollu jista’ ma jkunx biżżejjed allura hawn xi informazzjoni importanti dwar kif tipproteġi n-negozju tiegħek fid-dinja kompetittiva tal-lum.

L-EWWELNETT it-trademark tiegħek teħtieġ li tkun faċilment rikonoxxuta u distingwibbli mill-marki wżati fuq prodotti u servizzi li huma simili jew fl-istess linja ta’ negozju tiegħek. B’dan il-mod il-konsumaturi jagħrfu l-prodott jew is-servizz li inti toffri billi immedjatament jassoċjaw mal-kumpanija jew man-negozju tiegħek.

IT-TIENI jeħtieġlek tirreġistra t-trademark tiegħek. Ir-reġistrazzjoni tagħtik il-vantaġġ uniku li mhux biss ikollok trademark distintiva u b’saħħitha, iżda li tgawdi wkoll drittijiet esklussivi kemm għall-isem kif ukoll għal-logo. Dan huwa ta’ importanza kbira meta wieħed iqis l-ammont ta’ ħin u l-isforz li investejt biex bnejt reputazzjoni tajba.

Trademark irreġistrata b’ saħħitha tista’ tkun għodda effettiva biex twaqqaf lil ħaddieħor milli japprofitta ruħu mir-reputazzjoni tat-trademark tiegħek, billi juża trademark li hija simili jew identika għal tiegħek. Trademark irreġistrata tista’ wkoll tiġi liċenzjata, trasferita, kif ukoll tifforma parti mill-assi tan-negozju jew l-intrapriża tiegħek.

FL-AĦĦAR, trademark b’saħħitha tista’ tiftaħ firxa vasta ta’ opportunitajiet biex in-negozju tiegħek jikber u jikseb rikonoxximent anke barra l-pajjiż. Għalhekk tista’ tirreġistra wkoll għal trademark tal-Unjoni Ewropea (EUTM) li tista’ tipproteġi l-marka tiegħek barra mill-pajjiż.

Is-sistema tal-EUTM tikkoeżisti ma’ u hija kumplimentari għar-reġistrazzjoni tat-trademarks nazzjonali u jkun meħtieġ biss li tippreżenta applikazzjoni waħda, imbagħad meta tkun irreġistrata, din tagħtik id-dritt esklużiv fil-pajjiżi tal-UE.

Għal aktar informazzjoni dwar kif tipproteġi u tirreġistra t-trademark tiegħek f’Malta, żur it-taqsima tad-Direttorat tal-Proprjetà Industrijali (IPRD) fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ fuq www.commerce.gov.mt jew kellem lil Business 1st.

Jekk tkun interessat li tipproteġi u tirreġistra t-trademark tiegħek fl-Unjoni Ewropea, tista’ żżur l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fuq www.euipo.europe.eu Il-protezzjoni u r-reġistrazzjoni tat-trademark tiegħek huma fatturi importanti biex in-negozju tiegħek jirnexxi.