Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, stieden lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, biex iżur l-Ukrajna ħalli jara hu stess id-dmija u l-klima ta’ terrur li rriżultaw mill-aggressjoni kontinwa tar-Russja….Aggressjoni li baqgħet konsistenti tlett snin wara li l-qawwiet ta’ Vladimir Putin qasmu l-fruntiera lejn l-artijiet tal-Ukreni.
Zelensky kien estenda l-invit lil Trump qabel jista’ isir kwalunkwe ftehim mar-Russja għat-tmiem tal-gwerra u anki qabel l-attakk bil-missili tal-Ħadd fuq il-belt Ukrena ta’ Sumy li ħalla talanqas 35 mejtin u ‘il fuq minn 130 midruba.L-attakk qanqal kundanna bla riservi minn madwar id-dinja, b’numru ta’ mexxejja tal-Punent jaqblu li l-azzjoni mill-qawwiet tar-Russja għandha titqies bħala reat tal- gwerra.
Sadanittant, is-sorsi f’Washington qalu li l-President Trump irċieva l-informazzjoni li r-Russi kienu qed jimmiraw għas-siti militari tal-Ukreni u mhux għaz-zoni ċivili f’Sumy. Madankollu, sorsi oħrajn ‘il hinn mill-Istati Uniti sostnew li l-attakk kien wieħed premeditat fil-kampanja ta’ ‘terrur mill-ajru’ li l-Kremlin qed iwettaq fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna.
Min-naħa tiegħu, il-President Trump fisser l-attakk brutali fuq Sumy bħala xi ħaġa terribbli u wara l-konferma li hemm ukoll diversi tfal fost il-vittmi.
Qabel id-dmija f’Sumy, Zelensky kien talab lil Trump ‘biex jivvjaġġa lejn l-Ukrajna u jara hu stess is-sitwazzjoni tal-poplu ċivili u l-qerda tal-isptarijiet u l-knejjes taħt il-qilla tal-attakki tar-Russja’. Il-Mexxej Ukren xtaq li żjara bħal din issir ‘qabel kull tip ta’ deċiżjhonijiet u forom ta’ negozjati’ li jinvolvu lir-rappreżentanti ta’ Putin. Madankollu, għad ma hemm l-ebda sinjali li Donald Trump għandu jaċċetta l-istedina għal żjara personali fl-Ukrajna.
Min-naħa tiegħu, Friedrich Merz, li mistenni jilħaq dalwaqt Kanċillier tal-Ġermanja, kien l-aktar voċiferu fil-kundanna għar-Russja u l-attakki sistematiċi tagħha fuq il-poplu Ukren u fejn hu ma żammx lura mir-referenzi għal reati tal-gwerra ‘intenzjonati’ min-naħa tal-Kremlin.
Fil-fatt, l-attakk tar-Russi fqu Sumy qed jitqies ukoll bħala forma ta’ sfida lil Trump u l-Gvern Amerikan. Dan meta l-Istati Uniti, li hi l-akbar alleata militari b’saħħitha tal-Ukrajna, tinsab għaddejja b’impenn determinat biex twaqqaf dan il-konflitt bis-sehem tar-Rappreżentanti tal-President Amerikan.
Sadanittant, il-Ġeneral tal-Armata rtirat, Keith Kellog, illum ir-Rappreżentant Speċjali ta’ Trump għall-Ukrajna, sostna li l-missili sparati lejn Sumy abbużaw kwalunkwe kunċett tad-diċenza umana.
U l-President Franċiż, Emmanuel Macron, akkuża lir-Russja dwar nuqqas ċar ta’ interess fil-konsegwenzi tal-gwerra f’termini ta’ ħajja mitlufa…Akkuża oħra ta’ Macron kienet li r-Russja lanqas mhi tagħti każ il-liġi internazzjonali jew l-isforzi diplomatiċi tal-President Trump.
Il-Mexxej Franċiż tkellem ukoll dwar il-ħtieġa għall-miżuri qawwija għall-impożizzjoni ta’ proċess għall-waqfiejn mill-ġlied li tirrispetta r-Russja – u meta Franza u l-Alleati tagħha qegħdin jistinkaw lejn dan it-tragward.
//= $special ?>