Sa għoxrin sena ilu, il-pazjenti flimkien mal-familjari tagħhom li kellhom bżonn isiefru għal kura fl-Ingilterra kellhom ifittxu u jħallsu għall-akkomodazzjoni tagħhom. Dan kien iżid mat-tbatija li kienu diġà għaddejjin minnha. Puttinu Cares mess ma’ din il-problema u ħass il-bżonn li jipprova jsib mezz kif jgħin f’din is-sitwazzjoni. Bdejna bit-tfal morda bil-kanċer, u matul is-snin, Puttinu fetaħ ukoll l-għajnuna għall-adulti.

Illum, bejn 60 u 90 pazjent jivvjaġġaw KULL XAHAR, bil-maġġoranza tagħhom imorru fl-isptarijiet fiċ-ċentru ta’ Londra. Biex tikri appartament fl-Ingilterra trid tħallas eluf kbar, speċjalment jekk ikollok iddum xhur jew saħansitra snin. Puttinu Cares għandu diġà 20 appartment ħdejn l-isptar Royal Marsden Hospital f’Sutton, u issa investa fi proġett ieħor li jinsab biss 10 minuti mixi ’l bogħod minn Great Ormond Street Hospital, ħdejn Russell Square.

Puttinu ħass li, billi l-poplu Malti u Għawdxi huwa ġeneruż u jħobb jgħin lill-marid, ridna li d-donazzjonijiet jiġu investiti b’għaqal. Puttinu ħa seba’ snin ta’ tfittxija intensiva biex isib proprjetà li hija bla ċens, sabiex il-binja tibqa’ tal-poplu Malti għal dejjem. Il-Fondazzjoni Puttinu Cares ġiet irreġistrata bħala għaqda volontarja fl-Ingilterra biex tkun tista’ tiffranka r-rati tal-VAT fuq il-ħlasijiet tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni. Ħdimet bis-sħiħ biex tapplika u tikseb permess għal sular ieħor, sabiex b’hekk ikollha 29 appartament fiċ-ċentru ta’ Londra, lesti jilqgħu b’xejn lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom fil-mument tal-bżonn.

Puttinu jemmen li għandna għalfejn verament niftaħru bil-kultura sabiħa ta’ pajjiżna, għax dan kollu sar bid-donazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, tant li anke l-barranin jistagħġbu bl-għaqal u l-qalb ġeneruża ta’ dan il-poplu. Ma jemmnux li l-pazjenti jingħataw appartament b’xejn, idumu kemm idumu jieħdu l-kura.

Grazzi, poplu Malti u Għawdxi, li għal darb’oħra fil-Ġimgħa l-Kbira ser tingħaqdu ma’ Puttinu Cares sabiex inkomplu flimkien nagħmlu l-ġid!
//= $special ?>