Lokali Qorti

Mixlija li aggredixxew raġel u serqulu l-karozza

Żewġt irġiel inżammu taħt arrest preventiv wara li ġew akkużati li l-ġimgħa li għaddiet sawtu sewwieq u li serqulu l-karozza fil-Gżira. Emanuel Bianchi ta’ 41 sena u Gilmour Flask ta’ 28, wieġbu mhux ħatja ta’ serq aggravat, li weġġgħu lil sid il-karozza, u li saru reċedivi. Flask ċaħad ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ.

L-Ispettur Michael Vella qal lill-Qorti kif fil-5am tas-7 ta’ April, il-vittma qal lill-Pulizija kif kien aggredit u nsterqet il-karozza tiegħu fuq ix-xatt tal-Gżira. Aktar tard il-vettura nstabet f’Ta’ Xbiex. Huwa mifhum li wieħed mill-akkużati kien qed jivvjaġġa fil-karozza mal-allegat vittma.

Għal xi raġuni l-vittma waqqaf il-karozza u ħareġ. Imbagħad allegatament ġie aggredit mill-passiġġier tiegħu u minn raġel ieħor li kien fil-qrib. L-aggressuri mbagħad daħlu fil-karozza u saqu. Huma ġew arrestati ftit wara.

L-avukat tal-għajnuna legali Julia Micallef Stafrace talbet il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, bl-avukat tal-AĠ Clive Aquilina jargumenta li Bianchi ngħata ċans li jirriforma “ftit xhur biss ilu” iżda ma irrispettax il-Qorti.

“Hu bla xogħol, u għandu problema bid-droga, u ċ-ċansijiet huma li jwettaq reat ieħor,” qal Aquilina. “Dak hu l-karattru tiegħu, hu persuna b’lista ta’ reati li ma tispiċċa qatt, u hu theddida għas-soċjetà,” kompla jgħid, hekk kif Bianchi seta’ jinstema’ jgħaddi l-kummenti fil-Qorti.

Dwar Flask, Aquilina qal ftit tal-ġimgħat ilu li ngħata sentenza sospiża għal reat simili. Irrimarka wkoll li l-vittma xorta kellha tixhed. “M’għandhomx rispett lejn il-Qorti,” temm jgħid. It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Maġistrat Elaine Rizzo.

Ftit wara li ntemmet is-seduta, inqalgħet kommossjoni barra l-awla, hekk kif Bianchi allegatament għamel kummenti offensivi fuq il-prosekutur. L-akkużati ssejħu lura fil-Qorti, bil-Maġistrat tavżah li wieħed jinsulenta lill-avukati għandha konsegwenzi serji.

“Aħna lkoll qed nagħmlu xogħolna hawn, u kulħadd għandu juri rispett lejn kulħadd. Kwalunkwe sinjal ta’ ‘nuqqas ta’ rispett huwa reat. Din id-darba int skużat,” temmet tgħid.

L-Ispettur Michael Vella mexxa l-prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukati tal-AĠ Clive Aquilina u Martina Calleja. L-Avukat Maria Micallef Stafrace dehret bħala difiża tal-għajnuna legali.