Opinjoni

OPINJONI: Pożizzjoni ċara kontra aktar poteri lill-Prim Ministru

F’pajjiż fejn il-korruzzjoni issa saret ħaġa normali u fejn il-gvern jara l-istituzzjonijiet bħala għodod tal-poter, issa qed naraw pass ieħor lejn il-ħtif totali tal-proċess demokratiku

mid-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ambjent

Il-Prim Ministru ngħata aktar poter fuq min jiddeċiedi dwar l-appelli fuq kuntratti pubbliċi – kuntratti li jitħallsu mill-but ta’ kull wieħed u waħda minna.
Dan mhux biss att ta’ arroganza politika; huwa att ta’ theddida diretta lill-ġustizzja, lit-trasparenza u lill-prinċipji demokratiċi li fuqhom suppost mibnija l-governanza f’Malta. Il-kontroll fuq min jieħu d-deċiżjonijiet f’dawn l-appelli hu kritiku – għax hu hemmhekk li tista’ ssir il-ġustizzja, jew il-maqlub tagħha.
Din mhix semplici tibdil fil-liġi, dan huwa pjan sistematiku biex il-poter jinħataf. U f’dan il-pjan, il-poplu jitlef kollox: il-flus tiegħu, il-fiduċja tiegħu fl-istituzzjonijiet, u l-libertà tiegħu li jkollu Gvern li jaqdih, mhux li jaħtfu.

Kontroll akbar lill-Prim Ministru
X’ġara eżatt? Bidliet riċenti fil-liġi qed jagħtu kontroll akbar lill-Prim Ministru fuq l-appelli minn deċiżjonijiet dwar kuntratti pubbliċi. Il-Prim Ministru qed jingħata aktar poteri biex jagħżel hu lil min ipoġġi fuq il-Public Contracts Review Board (PCRB), il-bord li jirrevedi dawn id-deċiżjonijiet. U kif ġieli rajna fil-passat, il-Labour jimplimenta l-emendi b’mod sieket, mingħajr skrutinju pubbliku jew dibattitu.
Il-konsegwenza ta’ dan mhux biss hija politika – hija ekonomika wkoll. Għax dan jikkrea ambjent fejn il-kompetizzjoni tiddgħajjef mill-biża’, fejn kumpaniji b’saħħithom jibqgħu lura milli japplikaw għal proġetti pubbliċi minħabba nuqqas ta’ fiduċja fil-proċess. Dan iwassal għal inqas innovazzjoni, inqas kwalità, u prezzijiet ogħla għall-poplu – li jkollu jħallas għal sistema falluta.
Il-Partit Nazzjonalista oppona dawn l-emendi b’kuraġġ u b’ċarezza. Jiena, flimkien mal-kollegi Adrian Delia u Claudette Buttigieg, ressaqna mozzjoni fil-Parlament biex dawn l-emendi jiġu rtirati. Ma nistgħux nippermettu li l-Gvern ikompli jkabbar setgħat li diġà jheddu l-bilanċ bejn il-poter u l-kontabbiltà.

Akkwist pubbliku
Imma biex nifhmu sew għala dan kollu hu ta’ theddida, irridu nifhmu l-importanza tal-akkwist pubbliku. Dan hu l-proċess li bih il-Gvern jixtri prodotti, servizzi u xogħlijiet mingħand kumpaniji privati – bħal meta jixtri, pereżempju, tagħmir għall-iskejjel, jikkontratta tindif għall-isptarijiet, jew jagħti xogħol għal bini ta’ toroq.
L-akkwist pubbliku m’għandux ikun każ ta’ ’min taf’ imma każ ta’ ‘x’inhu l-aħjar għal pajjiżna’. Għalhekk, il-Gvern joħroġ sejħa għall-offerti u janalizza l-proposti permezz ta’ kriterji ġusti. Dan kollu għandu jsir b’reqqa għax qed nitkellmu fuq il-flus tal-poplu – u dawn għandhom jintefqu b’mod trasparenti, effiċjenti u b’sens ta’ responsabbiltà. Il-proċess tal-appell huwa dak li joffri serħan il-moħħ lil dawk li jipparteċipaw f’dawn il-proċessi.
Il-każ tal-inċineratur fil-Magħtab hu xhieda ħajja. Il-Qorti annullat kuntratt ta’ €600 miljun minħabba kunflitt ta’ interess. Il-Qorti qalet b’mod ċar li l-akkwist pubbliku hu wieħed mill-oqsma l-aktar vulnerabbli għall-abbuż. U x’għamel il-Gvern wara dan? Qagħad attent u rreveda l-proċess? Le – anzi biddel il-liġi biex ittih iktar poteri.

Nipproteġu l-istituzzjonijiet
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-mozzjoni tagħna għandha/kellha għan wieħed: tipproteġi l-istituzzjonijiet, iġġib lura l-bilanċ u tisfida kull attentat ta’ kontroll assolut fuq proċessi li għandhom ikunu ġusti u imparzjali.
Għax f’dawn il-bordijiet għandu jkun hemm imparzjalità. Mhux nies qrib il-Gvern. Mhux nies magħżula għax jobdu. Imma nies li jħarsu l-liġi u jservu l-poplu – mhux lill-partit.
L-abbuż irid jieqaf. Kull liġi li ddgħajjef l-istituzzjonijiet tagħna hi theddida diretta lill-poplu. Għax meta min jingħata kuntratt jiddependi fuq politika u ħbiberiji, mhux fuq meritokrazija u ġustizzja – ikun il-poplu Malti li jbati, u l-pajjiż li jitlef.
Il-ġlieda tagħna hija waħda ċara: nipproteġu l-flus tal-poplu, inħarsu l-istituzzjonijiet, u niżguraw li f’Malta l-poter tal-ftit qatt ma jkun ikbar mil-liġi.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 13 ta’ Aprl, 2025.