Qala Saints ġew uffiċjalment inkurunati Champions tal-Kampjonat BOV GFA tal-Ewwel Diviżjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom.
Il-Qala kellhom staġun dominanti u kisbu vantaġġ fuq ir-rivali mill-qrib Nadur Youngsters bi 3 logħbiet biex jiksbu matematikament il-kampjonat.
Dan l-unur jimmarka kisba storika għall-klabb, billi żiedu l-Kampjonat BOV GFA tal-Ewwel Diviżjoni mal-unuri l-oħra bħal Kampjonat BOV GFA tat-tieni diviżjoni, is-Super Cup u l-GFA Cup.
Charmaine Borg, Manager tal-Fergħa ta’ Għawdex tal-Bank of Valletta; u Samuel Azzopardi, President tal-Gozo Football Association; ippreżentaw it-Tazza tal-Kampjonat BOV GFA tal-Ewwel Diviżjoni liċ-champions quddiem il-folla mdaqqsa fil-Gozo Stadium.
Fil-partita tal-Ħadd huma għelbu lil Xagħra United bl-iskor komdu ta’ 6-1. Fi 18-il partita, Qala akkumulaw 45 punt hekk kif rebħu 15-il logħba u tilfu tlieta, filwaqt li skorjat 54 gowl u kkonċedew 14 biss.
Il-gowls ta’ Qala lbieraħ waslu minn Igor Nedejkovic, Luan Sergio, Gabriel Cardona, Sintayerhu Curmi, filwaqt li Christian Mercieca sab ix-xibka darbtejn.
Iċ-ċelebrazzjonijiet komplew bil-preżentazzjoni u Bus Cade mill-Gozo Stadium sal-Qala u iżjed ċelebrazzjonijiet fil-Clubhouse tal-Ġnien il-Familja.