Lokali Qorti

Somalu kkundannat 27 xahar ħabs fuq daqqa ta’ sikkina

Somalu ta’ 44 sena ġie kkundannat 27 xahar ħabs wara li nstab ħati li fl-aħħar jiem tal-2023, ta daqqa ta’ sikkina lil raġel ieħor ukoll Somalu, f’Ħal Luqa. It-tnejn kienu tressqu l-Qorti fuq akkużi relatati ma’ ġlieda bi skieken li ħalliet it-tnejn b’feruti gravi. Iż-żewġt irġiel kienu jgħixu flimkien.

Mustafa Duale Abokor ta’ 44 sena, residenti l-Għasri, f’Għawdex, instab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq Abrahm Abdi Ahmed u li żamm lil Ahmed kontra r-rieda tiegħu. Abokor kien mixli wkoll li kien reċediv. L-Ispettur Gabriel Kitcher, li mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-avukat Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kien spjega x’wassal għall-arrest, u kkonferma li l-Pulizija kellha tagħti l-police bail għax Abokor kien qed jingħata l-kura fl-isptar.

Abokor kellu diversi kundanni minn qabel fl-10 snin tiegħu li għex Malta. L-Ispettur Kitcher irrimarka li fl-2014, Abokor kien ikkundannat 24 xahar ħabs għal attakk preċedenti b’sikkina f’Għawdex. Abokor kien intbagħat il-ħabs wara li nstab ħati li fera gravi żewġ persuni oħra waqt argument fix-Xewkija. Dakinhar, l-akkużat kien qal li ma seta’ jiftakar xejn dwar dak li ġara għaliex kien f’sakra qawwija.

B’rabta mal-każ preċedenti, il-Qorti ġiet infurmata fi Frar li għadda, li l-akkużat kien se jammetti għall-akkużi migjuba kontrih. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima kkundannat lis-Somalu 27 xahar ħabs u imponiet fuqu s-somma ta’ €1,000 sabiex sa sena wara li joħroġ mill-ħabs, ma javviċinax lill-vittma.