Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq qtil ta’ qattusa wara li sparalha b’air gun

Raġel ta’ 25 sena bi problema tad-droga u li huwa magħruf sew mal-Pulizija u residenti Ħal Għaxaq, ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li spara fuq qattusa u qatilha f’nofs ta’ triq. Il-każ inqabad fuq filmati li ttieħdu minn persuna li nzertat għaddejja mill-post, u rrappurtat lill-Pulizija li Clyde Mallia kien għaddej mill-karozza, meta ra l-qattusa u sparalha.

Il-prosekuzzjoni spjegat li l-allegat każ seħħ fl-1 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra. Fil-filmat tidher karozza tieqaf u minnha jiġi sparat tir lejn qattusa. L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa qalet li l-qattusa dehret tirtgħod u tbati sakemm mietet.

Il-Pulizija rnexxielha tidentifika lill-akkużat mill-pjanċi tal-karozza li dehru fil-filmat. Żiedet tgħid li fi tfittxija li l-Pulizija għamlet fid-dar ta’ Mallia nstabet kaxxa bil-bullets u air gun pellets. Ma nstabu l-ebda armi tan-nar. Madankollu, mill-awtopsja rriżulta li f’ġisimha l-qattusa kellha bullets li kienu bħal dawk li nstabu fid-dar ta’ Mallia.

Huwa nstab ħati wkoll b’pussess illegali t’arma tan-nar, li ġiegħel lill-qattusa tbati minn uġigħ, li kien qed isuq bla liċenzja u mingħajr ma kien kopert b’polza t’assigurazzjoni, li kiser diversi kundizzjonijiet tal-Qorti u li sar reċidiv.

Il-filmati li ttieħdu wasslu biex il-Pulizija sabu ta’ min kienet il-vettura, li jirriżulta li hi rreġistrata fuq omm l-eks tfajla tal-akkużat.  Xi jiem wara li seħħ l-inċident, Mallia deher isuq l-istess karozza u kien hawn li twaqqaf u ġie arrestat mill-Pulizija.

L-eks tfajla tiegħu wkoll ġiet interrogata, u ammettiet li kienet fil-vettura meta seħħ l-allegat każ. Hi pprovdiet dettalji li kkonfermaw dak li kien qal ix-xhud li ra l-każ iseħħ, kif ukoll il-filmati pprovduti.  Huwa nstab ħati wkoll li sar reċidiv.

Sadanittant meta l-Ispettur kienet fir-residenza tal-eks sieħba tal-imputat ġie innutat kelb b’widnejh maqtugħa. Il-mara qalet li l-imputat kien ġab dan il-kelb meta kien għadu ġeru, peress li kien joqgħod f’dik ir-residenza, u li ġurnata minnhom Mallia ħareġ bih, u ġie lura bil-kelb b’widnejh maqtugħa. Wara li ħassru r-relazzjoni tagħhom, huwa ma ħax dan il-kelb miegħu.

Irrifjuta l-għajnuna u baqa’ jwebbes rasu

Fl-ikkalibrar tal-piena, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni li l-imputat għandu fedina penali raffrettarja. Minkejja li huwa għad għandu biss 25 sena, huwa għandu disa’ kundanni minn dawn il-Qrati: żewġ kundanni ghal serq sempliċi, u seba’ kundanni għal diversi reati ta’ serq ikkwalifikat.

Huwa ngħata diversi opportuntajiet fosthom żewġ ordnijiet ta’ libertà kondizzjonata u erba’ sentenzi sospiżi, tlieta minnhom b’ordni ta’ superviżjoni. Imma l-imputat baqa’ jwebbes rasu u baqa’ miexi fit-triq tal-kriminalità tant li sussegwentement ingħata diversi pieni ta’ ħabs effettiv. Però jidher li l-imputat baqa’ ma tgħallem xejn.

Għalkemm l-imputat ingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest f’dawn il-proċeduri fl-4 ta’ Lulju 2024, huwa baqa’ taħt arrest preventiv, billi ma sabx terz garanti għall-finijiet tad-digriet tal-ħelsien mill-arrest.

Matul parti sostanzjali ta’ dan il-perjodu, hu kien qiegħed jiġi segwiet minn Uffiċjal tal-Probation taħt ordni ta’ superviżjoni. Però, mir-rapporti tal-Uffiċjal tal-Probation ma jirriżultax li l-imputat għaraf jużufruwixxi miż-żmien ta’ detenzjoni tiegħu biex jipprova jtejjeb ħajtu.

Għandu bżonn l-għajnuna

Fil-fatt huwa irrifjuta li jkollu għajnuna ta’ psikologa – għajnuna li l-Qorti hija ċerta li kienet tkun ta’ ħafna utilità għalih. Fil-fatt fl-aħħar rapport tiegħu tal-4 ta’ April 2024, l-Uffiċjal tal-Probation informa lill-Qorti li għadu qed iħeġġeġ lill-imputat biex jibda jagħmel kuntatt mal-professjonisti ġewwa l-ħabs.

Dan ċertament ma jawgurax tajjeb, għax mill-atti rriżulta li l-imputat għandu problema ta’ tossikodipendenza, u ġej minn familja mhux stabbli, u membri tal-familja tiegħu wkoll għandhom storja ta’ kundanni l-ħabs. Għalhekk, huwa ċar li l-imputat iktar u iktar għandu bżonn għajnuna ta’ professjonisti, jekk irid ibiddel ħajtu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.

Mallia huwa wkoll wieħed fost sitt persuni mixlija b’rabta mal-estorsjoni ta’ €33,000 minn fuq anzjan Ingliż. Fuq l-istess każ Mallia qed jiġi mixli wkoll b’serq aggravat ta’ karozza u li żamm lill-anzjan kontra l-volontà  tiegħu, b’serq aggravat ta’ arloġġ u apparat elettroniku mingħand il-vittma, li weġġgħu gravi, u li żamm lill-vittma kontra l-volontà tiegħu.

il-vittma anzjan kien ressqaq rapport fl-Għassa tal-Belt Valletta, fejn qal lill-Pulizija li kien ġie imqarraq minn prostituta u sħabha, minn Jannar tal-2022. Il-vittma kien imur ma’ prostituta, u darba minnhom f’Jannar tal-2022 kien sab lil Mallia u persuna oħra jistennewh minflok Spiteri.

Huma kienu aggredewh u mbagħad ġiegħluh jittrasferixxi €14,000 fuq il-prostituta.  Ir-raġel kien mhedded bi swat u bil-pubblikazzjoni ta’ filmati imbarazzanti tal-laqgħat tiegħu mal-prostituta, u kien imġiegħel jagħmel aktar transferimenti ta’ flus lil persuni oħra.

 .