Internazzjonali

Vjaġġ ta’ 11-il minuta fl-ispazju… ġita mhix tas-soltu għall-kantanta Katy Perry, l-għarusa ta’ Jeff Bezos u erba’ nisa oħrajn

Sitt nisa, fosthom il-kantanta popolari Amerikana Katy Perry, kienu l-protagonisti ta’ espedizzjoni rari fl-ispazju fejn l-ekwipaġġ tal-inġenju kien kollu kemm hu feminili.

L-uniku preċedent għal espedizzjoni fl-ispazju ta’ dan it-tip kienet il-missjoni ppjanata u mwettqa mill-Eks Unjoni Sovjetika fl-1963. Intant, il-vjaġġ li kkonkluda ftit tal-ħin ilu seta’ jsir permezz tar-rokit ‘Blue Origin’ ta’ Jeff Bezos; il-proprjetarju biljunarju tal-kumpanjija Amazon. Vjaġġ li dam biss ħdax-il minuta.

Permezz tal-vjaġġ, li beda minn West Texas, ir-rokit ta’ Bezos qabeż l-hekk imsejjaħ Karman line – li hu l-l-ogħla limitu rikonoxxut sakemm l-inġenju joħroġ mill-atmosfera tad-dinja.

Minbarra Katy Perry, il-ħames nisa li ħadu sehem f’dan il-vjaġġ esklussiv kienu x-xandara Gayle King; ix-xjentista Aisha Bowe; l-attivista favur id-drittijiet ċivili Amanda Nguyen; il-produttur tal-films Kerianne Flynn u l-ġurnalista Lauren Sanchez li se tiżżewweġ lil Jeff Bezos dan is-sajf. Fil-fatt dan il-vjaġġ kien wieħed mill-ħafna rigali tal-biljunarju lill-maħbuba tiegħu qabel il-jum tat-tieġ.

Ir-rokit inkwistjoni jismu New Shepard u dan qed jintuża għat-titjiriet kummerċjali fl-ispazju skont il-mission statement ta’ Blue Origin – il-kumpanija tat-teknoloġija spazjali li għandha l-kwartieri tagħha f’Kent, f’Washington.

Dan ir-rokit jitmexxa b’sistema ta’ kontroll awtomatiku u għaldaqstant ma jirrikjedix pilota… stwazzjoni li ppermettiet biex in-nisa abbord igawdu bis-sħiħ din l-esperjenza bħala passiġġiera privileġġjati.