Lokali

Edward Zammit Lewis b’botta ċara lejn Robert Abela

Prim Ministru f’demokrazija m’għandux jaġixxi bħala imperatur. U huwa għalhekk li Prim Ministru għaqli għandu jagħżel fil-Kabinett tiegħu persuni kompetenti, li telgħu b’rieda ċara tal-elettoral.

Hekk stqarr l-Eks Ministru u issa backbencher Laburista Edward Zammit Lewis, f’post fuq il-midja soċjali li kien mimli botti lejn it-tmexxija ta’ Abela u sħabu fil-Kabinett.

Il-post ta’ Zammit Lewis kien mimli botti diretti u indiretti; bil-għan li jagħmel il-punt tiegħu dwar id-deputati li jiġu eletti direttament bil-voti tal-kostitwenti.

Bħala membru tal-Grupp Parlamentari Laburista, Zammit Lewis argumenta li dawk li jkunu fil-Kabinett għandhom ikunu persuni li “telgħu bir-rieda ċara tal-elettorat”, cioè dawk li jkunu ġew eletti mill-ewwel u mhux bil-mekkaniżmu tan-nisa, jew co-option jew elezzjoni każwali.

Ħafna interpretaw dan il-kliem bħala botta lejn il-Ministru Clyde Caruana li ddaħħal fil-Parlament b’co-option, filwaqt li Rebecca Buttigieg telgħet fil-Parlament b’elezzjoni każwali u ġiet maħtura Segretarju Parlamentari.

Apparti minn hekk, il-canvasers stess ta’ Zammit Lewis qed jinsistu li din kienet botta ċara lill-Prim Ministru Robert Abela li ħalla barra lid-deputat tagħhom wara l-aħħar elezzjoni, minkejja li tela’ mal-ewwel – cioè – bir-rieda tal-poplu. Biex minfloku daħal Ministru u Segretarji Parlamentari li ġew eletti b’co-option jew elezzjoni każwali.