Sport

Floriana jibqgħu fit-taqtigħa għat-titlu wara rebħa bi tbatija kontra Hibs

Floriana baqgħu fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat hekk kif għelbu lil Hibernians Veterans 6-4. Mill-banda l-oħra, iċ-champions attwali MFPA kisbu l-11-il rebħa staġjonali wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 10-4 b’Rabat u Birkirkara St Helen’s joffru spettaklu wara draw ta’ 3-3.

Floriana – Hibernians 6-4

Floriana xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu l-isfida ta’ Hibernians Veterans hekk kif rebħulhom 6-4.

Il-Pawlisti stabbilixxew vantaġġ doppju fl-ewwel parti tal-logħba bil-Furjaniżi li kellhom jitħabtu biex l-ewwel iġibu l-iskor indaqs u eventwalment jirbħu l-logħba.

Manolito Micallef kompla juri l-potenzjal tiegħu hekk kif skorja tliet gowls bi Christian Cassar, Malcolm Licari u Brian Said li wkoll sabu x-xibka.

Il-Pawlisti kellhom lil Beppe Antignolo jiskorja doppjetta b’Ilia Nazarov u Craig Schembri li ħallew lit-tim tagħhom fil-logħba.

Rabat Veterans – Birkirkara St Helen’s 3-3

Rabat Veterans wettqu rimonta hekk kif irnexxielhom iżommu lil Birkirkara St Helen’s fi draw ta’ 3-3.

Il-Karkariżi kienu 3-0 minn fuq iżda fl-aħħar parti tal-logħba kellhom isofru tliet gowls wara li r-Rabtin kienu ferm aggressivi u ħadu dak li riedu bil-gowl tad-draw jasal fil-ħin mogħti żejjed mir-referee.

Ayrton Buhagiar skorja żewġ gowls bi Christian Caruana jżid ieħor għal Birkirkara b’Rabat li rrispondew b’doppjetta ta’ Adam Smeir u gowl ieħor ta’ Leandros Calleja.

MFPA – Żurrieq Wolves 10-4

Iċ-champions MFPA kellhom rebħa dominanti ta’ 10-4 kontra Żurrieq Wolves sabiex jinsabu fit-tielet post tal-klassifika.

Gareth Sciberras u George Frendo spikkaw għal Malta Football Players Association meta skorjaw hat-trick kull wieħed filwaqt li Julian Galea kien awtur ta’ doppjetta personali. Stephen Wellman u Michael Galea skorjaw aktar gowls għat-tim tagħhom.

Kevin Vella u Clarence Thompson skorjaw doppjetta kull wieħed għal Żurrieq Wolves.

KLASSIFIKA – VMFA CISK PREMIER LEAGUE

Gżira United 49; Floriana 48; MFPA 35; Birkirkara St Helen’s 31; Rabat 21; Żurrieq Wolves 15; Hibernians 12; Żejtun Red Stars 0.