Il-Vatikan iddikjara l-bidu tal-proċess lejn il-qdusija tal-perit leġġendarju Spanjol, Antoni Gaudi. Dan bħala għarfien għall-kwalitajiet u s-sens rari ta’ virtu li hu kien magħruf għalihom.
Gaudi, magħruf ukoll bħala ‘l-Perit li kien devot lejn Alla’, jibqa’ famuż l-aktar bħala d-disinjatur tal-Bażilika ta’ Sagrada Familia li tinsab fil-belt ta’ Barcelona. Struttura li, minkejja li ma tlestietx, hi fost l-aktar siti reliġjużi magħrufin madwar id-dinja minbarra li wkoll attrazzjoni kbira għat-turisti.
Issa l-Vatikan ikkonferma li l-Papa Franġisku awtorizza digriet li ddikjara lil dan il-perit – imwieled fir-reġjun ta’ Katalunja (fi Spanja) – bħala ‘venerabbli’. Dan, fih innifsu, hu l-ewwel pass għal kull kandidat għall-qdusija skont il-kriterji antiki u tradizzjonali tal-Knisja Kattolika.
Antoni Gaudi twieled fl-1852 u, minbarra l-Bażilika, ħalla wkoll wirt ieħor arkitettoniku fl-inħawi ta’ Barcelona.
Il-Bażilika ta’ Sagrada Familia bdiet tinbena fl-1883 iżda kien biss fl-2010, li kienet ikkonsagrata mill-Papa Benetittu XVI. L-istess Bażilika, illum, hi mniżżla wkoll mas-siti tal-UNESCO dikjarati bħala parti mill-Patrimonju tad-Dinja.
//= $special ?>