Lokali

“Id-Deputat Prim Ministru jmeri lill-Prim Ministru fuq id-drittijiet tal-bniedem” – Il-PN

Ian Borg iwaqqa’ kliem Robert Abela; ir-riformi li Abela qal li ried jagħmel fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem mhux se jkunu fuq l-aġenda tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa

Għal darba oħra d-Deputat Prim Ministru Ian Borg waqqa’ kliem il-Prim Ministru Robert Abela meta reġa’ qabel mal-Partit Nazzjonalista li bl-ebda mod ma għandhom jintmessu d-drittijiet tal-bniedem.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin issa qed jgħid li l-aġenda ta’ Malta tul il-presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa mhux se tinkludi r-riformi li qal li se jagħmel l-istess Abela ftit tal-ġimgħat ilu, u t-tibdil li l-Prim Ministru ried jagħmel fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem se jkun eskluż għalkollox mid-diskussjoni.

Din mhux l-ewwel darba li Robert Abela u Ian Borg spiċċaw imeru lil xulxin, kif ġara fil-każ tad-difiża u n-newtralità meta wara li Abela qal mod, Ian Borg spiċċa jmerih u jaqbel mal-Partit Nazzjonalista.