Nafu li l-offerta li daħlet tammonta għal kważi d-doppju tal-istima tal-Gvern. Imma veru li kien hemm offerta oħra li ġiet skartata minħabba problema “teknika”?
Mal-ħtieġa li d-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei jitkabbar u jissaħħaħ jaqbel kulħadd. Dwar dan, il-Gvern qabel mal-Oppożizzjoni.
Li pajjiżna għandu bżonn sptar ġdid tal-kura akuta għas-saħħa mentali jaqbel kulħadd ukoll. Il-Partit Nazzjonalista ilu ħafna jisħaq fuq il-ħtieġa li jkollna sptar ġdid tas-saħħa mentali viċin Mater Dei. U dwar dan, il-Gvern qabel mal-Oppożizzjoni wkoll.
Sostnew dan ix-Shadow Ministers Adrian Delia, Ian Vassallo u Graham Bencini hekk kif spjegaw li għaxart ijiem ilu għalqet is-sejħa għall-offerti għat-tkabbir tal-Emerġenza u għal sptar ġdid tas-saħħa mentali. Issa sirna nafu li ntefgħet offerta waħda li hija d-doppju ta’ kemm il-Gvern qed jistma li se jiġu jiswew dawn iż-żewġ proġetti.
Huma saħqu li skont rapport ta’ The Shift News, l-unika offerta li daħlet kienet tammonta għal €140 miljun – kważi d-doppju tal-istima tal-Gvern, li skont id-dokument tat-tender stess tammonta għal €80 miljun.
Dan filwaqt li komplew li agħar minn hekk, issa qed jirriżulta wkoll li kienet teżisti t-tieni offerta, li però ma daħlitx minħabba problema “teknika”.
Ġie spjegat ukoll li t-tender li ħareġ il-Gvern għad-disinn u l-bini ta’ swali ġodda għall-kura tas-saħħa mentali u għall-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei għalaq għaxart ijiem ilu – fl-4 ta’ April – u jirriżulta li d-Dipartiment tal-Kuntratti rċieva offerta waħda. Almenu, uffiċjalment.
Dan filwaqt li spjegaw li fir-realtà kien hemm mill-inqas offerta oħra li ma setgħetx tintefa’ minħabba dak li ġie deskritt bħala żball tas-sistema elettronika (system error) u insistew li l-mod kif saru l-affarijiet qed iqajjem dubji kbar.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi hux minnu li kien hemm ħaddieħor interessat li pprova jitfa’ l-offerta tiegħu imma ma rnexxilux?
U jekk hux veru li minkejja li ġie kkuntattjat mill-ewwel id-Dipartiment tal-Kuntratti li wiegħed li jiċċekkja direttament mal-amministratur tas-software fil-Greċja x’kien ġara, xorta ma nbidel xejn?
Huwa minnu li għall-bidu kien qed jingħad li minħabba din il-problema kien se jitwaqqaf il-proċess imma mbagħad xi ħadd ordna li kollox jibqa’ kif inhu u ma jitwaqqaf xejn? U li għandha tgħodd biss l-offerta li laħqet daħlet? Min ta din l-ordni? U għaliex?
U jekk l-unika offerta li ġiet aċċettata hija d-doppju tal-istima tal-Gvern, possibbli l-Gvern ma jafx eżatt dak li qed jitlob kemm jiswa fis-suq?
Il-Partit Nazzjonalista insista li mhux se jippermetti li l-Gvern jerġa’ jilgħab mas-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Wara l-esperjenza kerha li għadda minnha l-pajjiż fil-każ tal-Vitals u Steward, jidher li l-Gvern ma tgħallem xejn. Il-PN huwa determinat li ma terġax issir serqa oħra bħal din.”
//= $special ?>