Lokali

Il-Gvern jerġa’ jfalli lill-Għawdxin, li se jkollhom jibqgħu jitwikkew bin-Nikolaos – PN

It-tender għall-kiri tar-raba’ vapur falla, kif wissa li se jiġri l-PN

Il-Gvern reġa’ falla lill-Għawdxin f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex. U l-Għawdxin, almenu għalissa, se jkollhom jibqgħu jitwikkew bin-Nikolaos li għalih qed inħallsu minn butna kera ta’ €14,000 kuljum minbarra l-ispiża tal-fuel.

Dan saħquh ix-Shadow Ministers Alex Borg u Ivan Castillo fejn spjegaw li fl-aħħar sigħat sirna nafu li ġara eżatt dak li wissa li se jiġri l-Partit Nazzjonalista ftit tal-ġimgħat ilu f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Port taċ-Ċirkewwa.

Intqal kif it-tender li ħareġ il-Gvern biex suppost jipprovdi soluzzjoni għall-problema tal-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, u li kien destinat biex ifalli, fil-fatt falla. Il-Ministru għal Għawdex, li kien qed iwieġeb Domanda Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, ikkonferma li hekk kif għalqet is-sejħa fit-2 ta’ April, ħadd ma esprima interess fil-kiri ta’ vapur li jopera bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr biex jieħu post il-vapur Grieg li għandu 36 sena.

“Hija ħasra li l-Gvern qed ikompli jwebbes rasu u qed iwarrab is-soluzzjonijiet li qed joffrilu l-Partit Nazzjonalista, fosthom l-alternattivi konkreti li jeżistu bl-għajnuna ta’ finanzjament trasparenti u sostenibbli minn fondi Ewropej. Fl-aħħar ġimgħat, il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius spjega b’mod ċar li hemm fondi Ewropej speċifiċi li jistgħu jintużaw għal dan it-tip ta’ investiment, inkluż għall-flotta tal-Gozo Channel. Imma minflok ma jużahom, il-Gvern Laburista jibqa’ jinjora dawn l-opportunitajiet u qed jibqa’ jagħżel li jarmi miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu.”

Għall-kuntrarju tal-Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista għandu pjan serju u konkret għall-konnettività bejn Malta u Għawdex. Aħna nemmnu f’Għawdex bħala parti integrali mill-iżvilupp nazzjonali u qed nippropnu soluzzjonijiet ibbażati fuq użu effettiv ta’ fondi Ewropej, fuq trasparenza, u fuq investiment li jġib bidla vera – mhux soluzzjonijiet temporanji u proviżorji.

Il-falliment ta’ dan it-tender biex il-Gozo Channel ikollha r-raba’ vapur li jopera fil-fliegu bejn Malta u Għawdex huwa xhieda ċara ta’ inkompetenza grassa mill-Gvern Laburista. Filwaqt li l-PN kien wissa li l-mod kif kien imfassal dan it-tender kien juri biċ-ċar li huwa destinat li jfalli, issa li ħadd ma ssottometta offerta, il-Gvern issa qed jassigura li l-MV Nikolaos se jibqa’ fis-servizz, minkejja l-limitazzjonijiet serji fis-sigurtà, l-aċċessibbiltà u l-operat tiegħu.

Huwa ċar li dan kollu kien ippjanat biex il-Gvern ikun jista’ jerġa’ joħroġ direct order ħalli l-affarijiet jibqgħu eżatt kif inhuma, u jkun jista’ jkompli jitħaddem ir-raba’ vapur li hemm illum. Wieħed bilfors jistaqsi jekk dan sarx apposta biex tinħoloq skuża ħalli tingħata direct order oħra li tammonta għal miljuni ta’ ewro minn flus il-poplu.

Dan kollu juri nuqqas totali ta’ viżjoni u serjetà minkejja li l-Gvern ilu jwiegħed pjan fit-tul għall-konnettività ta’ Għawdex. Għal darba oħra, qed naraw Gvern Laburista li ma jippjanax, ma jikkonsultax, u ma jindirizzax il-problemi b’mod strateġiku. Issa qed jgħidilna li sas-sajf se jkun qed joħroġ tender ieħor biex jinbena vapur ġdid.

Imma sa ma jasal dan il-vapur, l-Għawdxin se jibqgħu b’vapur mikri għal miljuni ta’ ewro li ilu li għadda żmienu. U minbarra l-poplu Għawdxi u l-familji Għawdxin li jridu konnessjoni ta’ min jorbot fuqha, se jibqgħu jbatu wkoll in-negozji Għawdxin li jiddependu fuq trasport stabbli.

Il-falliment ta’ dan it-tender jikkonferma dak li ilu jgħid il-PN: għal-Labour, Għawdex u l-Għawdxin mhumiex prijorità.

Anke f’dan il-qasam, irid ikun Gvern ġdid Nazzjonalista li jassigura pjan fit-tul, b’għaqal u rispett lejn kull ċenteżmu mill-fondi pubbliċi.