Lokali

Il-Ministru JoEtienne Abela ifarfar mir-responsabbiltà

Il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela xeħet ir-responsabbiltà kollha fuq iċ-ċivil għall-problema teknika fl-applikazzjoni tat-tender għall-espansjoni tal-isptar Mater Dei.

Ftit tal-ġranet ilu ġie żvelat illi kienet daħlet offerta waħda biss għat-tender għall-espansjoni tal-emerġenza u tal-wards tas-saħħa mentali – offerta li qed titlob id-doppju tal-istima oriġinali tal-Gvern.

Iżda, din ma kinitx l-unika offerta li ppruvat tiddaħħal; hekk kif jidher li kien hemm kumpanija oħra li ppruvat tixħet offerta – bis-sistema elettronika tfalli f’dak il-mument, u għaldaqstant l-offerta… kif żvela d-deputat Adrian Delia… spiċċat ma tgħaddix.

Dan il-fatt qatt ma ġie miċħud mill-Ministru tas-Saħħa.

U meta mistoqsi minn Net News dwar dak li ġara, u jekk hu kienx mgħarraf dwar din is-sitwazzjoni, huwa xeħet ir-responsabbiltà kollha fuq iċ-ċivil.

Minkejja li farfar fuq iċ-ċivil, il-Ministru tas-Saħħa stqarr li huwa jiddetta dak li jiġri fis-settur tas-saħħa – iżda mhux fil-proċessi tat-tender.

Il-Ministru JoEtienne Abela ma ċaħad bl-ebda mod li kien hemm problema fis-sistema elettronika.

Wisq anqas ma ċaħad li hu kien mgħarraf, u baqa’ sieket.

It-tender tal-espansjoni tal-emerġenza u l-wards tas-saħħa mentali għalaq ftit tal-jiem ilu. Bl-unika offerta li tidħol tkun dik ta’ €140 miljun – cioè – id-doppju tal-istima oriġinali tal-Gvern Malti.