Lokali

Il-Mixegħla tradizzjonali ta’ Ħamis ix-Xirka fis-Siġġiewi

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, bl-għajnuna ta’ għaqdiet Siġġiwin qed jerġa’ jorganizza l-attività tal-Mixegħla ta’ Ħamis ix-Xirka.

Waqt konferenza tal-aħbarjiet mill-istess Kunsill, ġie spjegat kif fil-Pjazza se tkun għaddeja wirja organizzata mill-Għaqda Armar Siġġiewi, li se jkunu qed jinkorporaw ukoll disinji b’simboli tal-ġublew tat-tama.

Lejn il-kappella medjevali ta’ Ħal Xluq se jkun hemm ukoll wirja ta’ kwadri artistiċi, tikkumplimenta din il-mixegħla, imtella’ mill-Għaqda tan-Nar. Din l-għaqda se tkun qed tgħin ukoll bit-trasport mill-pjazza.

Net News tkellem mas-Sindku Julian Borg, dwar din l-attività tant mistennija – li tiġbed l-interess ta’ bosta familji Maltin u Għawdxin.

Din it-tradizzjoni tal-Mixegħla bdiet fl-1994 u issa saret sinonima mal-kalendarju tal-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li jsiru f’pajjiżna.