Ekonomija Lokali

“Il-poplu jeħtieġ li jkollu ċ-ċertezzi” – Bernard Grech

Aħna nemmnu li l-imsieħba soċjali għandhom ikollhom rwol integrali fil-politika tal-pajjiż u għalhekk irridu nisimghu minn għandhom b’mod sħiħ.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi tmiem laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ, fejn flimkien miegħu attendew ix-Shadow Ministers Janice Chetcuti, Graham Bencini, Beppe Fenech Adami u Jerome Caruana Cilia.

Huma ddiskutew fost oħrajn it-tariffi imposti mill-Istati Uniti; bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern  għandu jindirizza l-inċertezzi li qed iqumu.

B’rabta mal-Viżjoni 2050 imħabbra ftit tal-jiem ilu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li dak li hemm fuq il-karta issa jrid jiġi attwat, mill-Gvern u l-amministrazzjonijiet li se jkunu qed imexxu dan il-pajjiż fil-25 sena li ġejjin.

Bernard Grech sostna li d-diskussjoni mal-Kamra tal-Kummerċ u mal-bqija tal-Imsieħba Soċjali għaddejja kontinwament – hekk kif hu, flimkien mad-Deputati Nazzjonalista, jemmnu li huma parti integrali ma’ dak li huwa għaddej madwar il-pajjiż.

Intant, ma‘ Net News tkellem il-President tal-Kamra tal-Kummerċ William Spiteri Bailey illi b’rabta mal-Viżjoni 2050 insista dwar l-importanza li kulħadd jaħdem id f’id għat-titjib tan-nazzjon; għaliex jekk dan ma jseħħx ikollna l-problemi.

Finalment b’rabta mat-tariffi imposti mill-President Amerikan Donald Trump, Spiteri Bailey spjega li preżentament hemm sitwazzjoni ta’ inċertezza.