Formula 1 Sport

Il-problemi ta’ Verstappen fil-Bahrain, żiedu l-inċertezza dwar il-futur taċ-champion tad-dinja mar-Red Bull

Max Verstappen
Max Verstappen

Wara r-raba’ Gran Prix tal-istaġun il-ġdid tal-Formula 1, il-konsulent ta’ Red Bull, Helmut Marko, esprima t-tħassib tiegħu dwar il-futur tas-sewwieq u champion tad-dinja, Max Verstappen. Fl-aħħar Gran Prix, dak ta’ nhar il-Ħadd li għadda fil-Bahrain, il-wirja ta’ Verstappen kienet waħda ‘l bogħod minn dak li wieħed jistenna mill-Olandiż.

Madankollu meta wieħed jikkonsidra li fil-Bahrain, kollox beda ġej ħażin għal Verstappen, tant li kellu jħabbat wiċċu ma’ diversi problemi  tul it-tellieqa u xorta spiċċa fis-sitt post, bosta huma dawk li ddeskrivew ir-riżultat aħħari ta’ Verstappen bħala wieħed ‘diċenti.’

Fil-kummenti ta’ wara t-tellieqa, Marko ddeskriva l-prestazzjoni tat-tim bħala waħda “allarmanti ħafna”. Fil-veritá, Verstappen irnexxilu jsalva s-sitt post fil-Bahrain, meta kollox kien qed jidher li kien se jikklassifika f’pożizzjoni agħar minn hekk.

Fl-isfond ta’ diversi ntoppi u problemi tekniċi, Verstappen kien abbli biex jegħleb bosta mill-problemi, sforz l-esperjenza tiegħu u fiċ-ċirkostanzi, is-sitt post għandu jitqies bħala wieħed aċċettabbli.

Wara l-ewwel erba’ tiġrijiet tal-istaġun, Verstappen jinsab fit-tielet post fil-klassifika tas-sewwieqa, u s’issa kien għad-dell taż-żewġ sewwieqa tal-McLaren, Lando Norris u Oscar Piastri. Bejn Norris u Verstappen hemm differenza ta’ 18-il punt, filwaqt li d-distakk minn ma’ Piastri hu ta’ ħames punti.

Hu mifhum li Verstappen kellu diffikultá bil-brejkiet tal-vettura, tant li deher jitlef diversi pożizzjonijiet, waqt li kien hemm kumplikazzjonijiet għall-Olandiż meta dan daħal biex jagħmel it-tieni pit-stop. F’din l-istanza, wieħed seta’ jinduna li kien hemm problemi mhux previsti meta r-rota ta’ quddiem ta’ fuq il-lemin, ġiet sabiex tinbidel.

Minħabba f’hekk Verstappen kellu jesperjenza dewmien li komplew jiffrustraw lis-sewwieq champion tad-dinja. Fil-Gran Prix preċidenti, dak tal-Ġappun, Verstappen temm fl-ewwel post u kiseb l-ewwel rebħa tal-istaġun, iżda dawn is-sensiela ta’ problemi fi ħdan il-klann tar-Red Bull, mistennija jżidu d-dubbji dwar il-futur ta’ Verstappen mat-tim tar-Red Bull, skont wieħed mill-kummentaturi tal-Formula 1 ta’ Sky, Ralf Schumacher.