Raġel Afrikan inżamm arrestat wara li allegatament kkaġuna ħsara fil-bieb ta’ barra ta’ residenza. Ir-raġel kien akkużat ukoll li sar reċediv u li kiser il-paċi pubblika. Maxwell Joe ta’ 54 sena mil-Liberja nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li kkaġuna ħsara volontarja fil-proprjetà ta’ mara Maltija.
Il-Qorti semgħet li nhar il-Ħadd li għadda, l-għassa taż-Żejtun irċeviet rapport li ċertu raġel kien qed jagħmel ħsara fil-bieb ta’ barra ta’ residenza fi Triq Tony Zahra. Malli l-Pulizija waslu fuq il-post, l-imputat instab bilqiegħda fuq il-veranda tar-residenza bid-demm ħiereġ minn rasu u biċċiet tal-ħġieġ miksura ħdejh.
Huwa ġie arrestat fuq il-post u aktar tard ġie kkurat għall-ġrieħi li ġarrab fl-Isptar Mater Dei. Il-Qorti ġiet infurmata li r-raġel ma kellux indirizz fiss u l-avukat difensur Martin Farrugia ma talabx il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri.
//= $special ?>