Lokali

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jintroduċi tliet rotot ġodda minn Marzu

F’Marzu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għalaq l-istaġun tax-xitwa bl-inawgurazzjoni ta’ tliet rotot ġodda, li jkomlu jsaħħu l-konnettività qabel ix-xhur tas-sajf.

Scandinavian Airlines irritornat lejn Malta, bit-tnedija ta’ titjiriet diretti lejn il-kapitali Daniża, Copenhagen, liema titjiriet jagħmluha iżjed faċli għall-ivjaġġar lejn il-pajjiżi Skandinavi. Hekk kif l-ajruport qed ikompli jespandi l-konnettività tiegħu lejn il-Lvant tal-Ewropa, Universal Air bdiet topera titjiriet lejn Debrecen,
it-tieni l-akbar belt fl-Ungerija, filwaqt li EasyJet introduċiet rotta ġdida bejn Malta u London Southend, li tkompli ssaħħaħ il-konnettività għar-Renju Unit.

F’Marzu, ir-Renju Unit żamm postu bħala t-tieni l-aktar suq popolari għall-ajruport, b’sehem ta’ 18.9% mit-total ta’ 725,134 passiġġier li għaddew mill-ajruport matul l-istess xahar. Dan ir-riżultat poġġa lir-Renju Unit eżatt wara s-suq Taljan, li kompla jiddomina l-klassifika tal-aktar swieq popolari, b’sehem ta’ 19.6% tat-traffiku tal-passiġġiera f’Marzu. Il-Polonja, il-Ġermanja u Spanja wkoll żammew posthom fil-lista tal-aktar ħamest iswieq importanti għal Marzu.

Il-postijiet disponibbli (seat capacity) fuq titjiriet li waslu jew telqu minn Malta matul ix-xahar li għadda kienu 851,608, jiġifieri tkabbir sostanzjali ta’ 17.2% fuq is-seat capacity rreġistrat f’Marzu tal-2024. Mill-banda l-oħra, is-seat load factor ra tnaqqis marġinali ta’ 2.1% biex kien fil-livell 85.1%.