Joe Zahra
Il-President Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti
Dan l-aħħar l-Unjoni Ewropea ppubblikat ċifri dwar riskju tal-faqar fl-2023 skont it-tip ta’ familji. Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li fost l-anzjani Maltin u l-Għawdxin li jgħixu waħedhom erbgħa minn kull għaxra – jew 40.4 fil-mija – huma fir-riskju tal-faqar. Nafu li anzjani jgħixu waħedhom hawn 20,000.
Li jfisser li minn dawn hemm iktar minn 8,000 fir-riskju tal-faqar. Kemm din iċ-ċifra hi għolja toħroġ mill-fatt li l-medja fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għall-anzjani fl-istess kategorija hi ta’ 27.3 fil-mija!
Nafu wkoll li f’pajjiżna tletin fil-mija tal-anzjani kollha ‘l fuq minn 65 sena huma fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali.
Anzjanti fir-riskju tal-faqar
X’qed iwassal biex l-anzjani fir-riskju tal-faqar fl-aħħar tnax-il sena iktar minn ittriplikaw? It-tweġiba hi li ż-żidiet li qed jingħataw l-anzjani għall-għoli fil-prezzijiet mhix adegwata.
Dan qed iwassal biex ħafna anzjani biex jieklu u jixtru l-mediċini qed ikollhom jnaqqsu minn affarijiet oħra u hekk ħafna minnhom flok jgħixu l-aħħar snin ta’ ħajjithom mingħajr problemi ekonomiċi qegħdin sempliċiment jeżistu. Dan jirriżulta anke minn numru kbir ta’ anzjani li jmorru fis-soup kitchens biex jieklu.
Illum hemm ukoll il-problema tal-kirjiet għoljin b’diversi anzjani li sabu li l-kera baxxa li kienu jħallsu tant għoliet li l-pensjoni li jdaħħlu anqas biss isservihom biex jagħmlu tajjeb għall-kera. Dan kien anke kkonfermat mill-YMCA li tennew li qatt daqs l-aħħar sena ma kien hemm daqshekk anzjani li talbu rifuġju fl-istrutturi tagħhom! Lil dawn in-nies il-gvern jgħinhom, iżda mili jidher mhux biżżejjed!
X’jista’ jsir?
Quddiem dan kollu x’jista’ jsir? Proposta li ilna nagħmlu aħna bħala APAN hi li jkun hemm indiċi tal-prezzijiet li jindika biss il-ħtiġiet tal-anzjani. Li minn fuqu jingħataw imbagħad iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja.
Għal dawk li jgħixu waħedhom, u li allura qed inaqqsu piż qawwi minn fuq il-gvern li nkella jkollu jsibilhom hu fejn joqogħdu fi djar tal-anzjani, is-soluzzjoni hi li mhux talli ma jitnaqqsux il-miżuri li ħadu Gvernijiet Nazzjonalisti bħal meals on wheels, telecare, handyman service u oħrajn iżda li dawn jitkattru biex l-anzjan jħossuhom aħjar fi djarhom.
L-anzjani qed jgħixu dejjem iktar. Jixirqilhom li l-aħħar snin ta’ ħajjithom jgħixuhom b’mod dinjituż. Biex dan iseħħ iridu jittieħdu diversi iktar miżuri favorihom.
Aħna tal-APAN għandna lista twila ta’ miżuri li għaddejna lill-Partit biex ikunu kkunsidrati. Ċerti li bil-miżuri li qed nipproponu l-anzjan ikun jista’ jgħix aħjar f’daru u fil-qalba tas-soċjetà fejn trabba u għex.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 13 ta’ Aprl, 2025.
//= $special ?>