minn Mark A. Sammut Sassi
Opinjonista
Naturalment, dan hu kollu diskors fieragħ, ġej mill-ħafna emozzjonijiet imqanqlin mill-fatt li tilfu l-elezzjoni.
Trump mhux miljunarju, lanqas multi-miljunarju, imma biljunarju! Ma ssirx biljunarju jekk tkun “injorant” jew “miġnun”. Issir biljunarju għax ikollok livell għoli ta’ intelliġenza, rieda tal-azzar, u stonku infurrat tajjeb. U, x’aktarx l-akbar kwalità: paċenzja ta’ brimba, li ftit ftit toqgħod tinseġ l-għanqbuta sa ma tinqabad fiha d-dubbiena. Hekk hu mmasmat il-bniedem li qed imexxi l-akbar potenza tad-dinja.
Fl-istess ħin għandu sens ta’ umoriżmu kemxejn bizzarr filwaqt li għandu wkoll tendenza għal dik li jgħidulha l-iperbola, jiġifieri li l-affarijiet jgħaġġibhom jew ikabbarhom.
Trump u l-Unjoni Ewropea
Barra minn hekk, għandu mod kif jinterpreta l-istorja li bih jaf jimmanipolaha għall-iskopijiet tiegħu. Ngħidu aħna, saħaq li l-Unjoni Ewropea nħolqot biex tisloħ lill-Istati Uniti. Din hi tgħawwiġa tal-Istorja, għad li mhux tgħawwiġa sħiħa. Lil Trump wieħed irid jifhmu.
L-Unjoni Ewropea nħolqot wara t-Tieni Gwerra Dinjija biex tevita l-gwerer fl-Ewropa, li bejn is-snin 1870 u s-snin 1940 kienu kkawżati l-aktar mill-Ġermanja (jew l-aktar stat f’saħħtu fi ħdanha, il-Prussja).
L-Unjoni Ewropea twieldet fost it-tifrik u l-ħerba tal-Gwerra bħala għaqda bejn l-Istati għall-kummerċ tal-faħam u l-azzar, u bdiet bejn sitt pajjiżi: il-Ġermanja u l-Italja minn naħa (it-telliefa fil-Gwerra) u Franza, l-Olanda, il-Belġju, u l-Lussemburgu min-naħa l-oħra (ir-rebbieħa). Għalhekk il-kapitali tal-UE jinsabu fi Franza (Strasburgu), il-Belġju (Brussell), u l-Lussemburgu (il-Belt tal-Lussemburgu).
Dil-komunità tal-faħam u l-azzar kienet iż-żerriegħa u minnha xxittlu u kibru dawk li mbagħad saru s-Suq Komuni, imbagħad il-Komunità (Ekonomika) Ewropea, u mbagħad l-Unjoni Ewropea.
Jiġbdu l-ispjag ta’ dal-isforzi kollha ta’ tgħaqqid u twaħħid (l-ewwel u qabel kollox, ekonomiku) kien hemm l-Istati Uniti. Għax l-USA kellhom kull interess li sseħħ għaqda ekonomika fl-Ewropa – biex huma (l-Amerikani) ikunu jistgħu jbigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom f’suq wieħed komuni, b’regoli komuni, magħmul minn miljuni ta’ konsumaturi.
U dal-pjan irnexxa: fl-Ewropa hawn investimenti kbar Amerikani. Mhux biss dawk li jidhru (fast food, ikel normali, karozzi, ajurplani, apparat mediku, eċċ eċċ) imma wkoll dawk li ma jidhrux (fil-finanza, fil-banek, eċċ eċċ).
L-Ewropa sfat ikkolonizzata (b’mod “artab”) mill-Kapital Amerikan. Biex dil-kolonizzazzjoni tissaħħaħ, l-Amerikani ħolqu n-NATO, l-Orgranizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku ta’ Fuq, li biha kellhom it-tir li huma jibqgħu jiddominaw l-Ewropa (tal-Punent), ir-Russi jibqgħu barra, u l-Ġermaniżi (il-għerq ta’ ħafna inkwiet) jibqgħu marsusin ’l isfel u jżommu posthom. B’hekk ma jkunx hemm gwerer, u l-kummerċ bejn l-Ewropej u, fuq kollox, mal-Amerikani joktor u jikber.
Jiġifieri, l-Unjoni Ewropea hi ħolqien Amerikan, ħolqien neoliberali – jiġifieri tal-ħakma tas-suq fuq il-politika.
“Kolonizzazzjoni” tal-Ewropa
Possibbli dan Trump ma jafux? U żgur li jafu! U kif!
Imma Trump jaf ukoll li l-“kolonizzazzjoni” tal-Ewropa ma saritx sewwasew mill-Istati Uniti. Imma mill-Kapital Amerikan. Mis-sinjuri l-kbar, u l-korporazzjonijiet (kumpaniji) il-kbar.
Difatti, imkien fl-Ewropa ma tperper il-bandiera Amerikana, jekk mhux fi tlitt imkejjen: l-ambaxxati tal-Amerika (li s-soltu jkunu binjiet enormi), il-bażijiet tan-NATO, u mal-monumenti li l-Ewropej waqqfu biex ifakkru l-liberazzjoni Amerikani mill-ħakma jew invażjoni tan-Nazisti (Ġermaniżi) u l-Faxxisti (Taljani).
Imma minkejja li l-bandiera Amerikana ma tperpirx fuq il-binjiet governattivi Ewropej, il-“bnadar” tal-Kapital Amerikan tarahom kullimkien… Pizza Hut, Starbucks, MacDonald’s, Burger King, Ford, Microsoft, Apple… is-serbut ta’ investimenti hu twil twil twil.
Dal-investimenti kbar u kotrana bilfors ifissru li l-Amerka mhix se titlef l-interess fl-akbar kolonja tagħha – l-Ewropa.
Trump jitkellem ma’ żewġ udjenzi f’salt
Imma Trump – b’differenza mill-Presidenti ta’ qablu – qed jitkellem ma’ żewġ udjenzi f’salt. Għalhekk l-imġiba tiegħu mhux lakemm tinftiehem. Għax huma żewġ udjenzi kompletament differenti, u li trid tkellimhom b’lingwaġġi kompletament differenti – kull udjenza bil-lingwaġġ tagħha.
Trump għandu widen miftuħ għall-Kapital, u dal-widen jisma’ tajjeb u sew.
Il-widen l-ieħor Trump dawru lejn il-ħaddiema Amerikani, li l-Presidenti ta’ qablu nsewhom.
Għalhekk Trump rebaħ bil-kbir. Mhux biss għax Kamala Harris donnha belha (il-ħin kollu tidħaq u ħadd ma jaf sewwasew fuqxiex u għalxiex) imma għax Trump qorob lejn il-ħaddiem Amerikan, u mhux talli tkellem miegħu talli semgħu.
Trump beda jisma’ u jagħti piż lil dak kollu li jħasseb, jurta, u jdejjaq lill-ħaddiem Amerikan. Il-ħaddiem Amerikan xeba’ jara t-taxxi tiegħu sejrin għall-protezzjoni militari tal-Ewropa (jiġifieri għall-protezzjoni militari tal-investiment tal-Kapital Amerikan), u mbagħad fl-Amerka l-infrastruttura żdingata, is-sistema tas-saħħa bla rispett lejn il-fqir, u eċċessi oħrajn tal-kapitaliżmu.
Iċ-ċirasa fuq il-kejk: il-ħaddiem Amerikan beda jindanna jara lis-sinjuri għal’għajnhom minn qagħdet il-ħaddiem u ħsiebhom fl-abort, fit-teorija tal-ġeneru, u fix-xejxi ta’ min geddumu fix-xgħir, mhux ta’ min jaqlagħha u jikolha. Trump kellimhom lil dawn: sema’ weġgħathom u kellimhom lura. Għalhekk id-diskorsi tiegħu donnhom “stupidi” – għax maħsubin u minsuġin biex ikellmu lill-Ħaddiem filwaqt li jehimżu lill-Kapital.
U mbagħad jiġi min jgħidlek li hu “injorant” jew “miġnun”! Hekka injorant jew miġnun!
Il-gwerra tat-tariffi
Allura Trump daħal f’dil-Gwerra tat-Tariffi. Għal żewġ raġunijiet, milli qed nara s’issa.
L-ewwel nett, biex lill-ħaddiem Amerikan jurih li se jġib il-flus lura lejn l-Amerka. U t-tieni nett, biex lill-Kapital jgħidlu xi ħaġa – imma x’inhi dix-xiħaġa għadni qed nixtarrha, u nikteb dwarha darb’oħra.
Jiġifieri meta jgħidulna li Trump “injorant”, “miġnun”, eċċ eċċ, noqogħdu b’seba’ għajnejn. Filwaqt li mhux kulma jleqq deheb, hu minnu wkoll li mhux kulma jidher bizzarr hu bizzarr. Ta’ spiss wara l-faċċata tal-bizzarrija, ikun hemm pjanijiet ċari, imma dak li jkun jippreferi jilgħab poker.
Il-gwerra tal-Ukraina
Għal Trump il-Gwerra fl-Ukraina hi ħela ta’ ħin.
Għal Trump hemm tliet prijoritajiet: is-sigurtà tal-Istati Uniti (għalhekk il-kawlata tal-Groenlandja), it-tkabbir ekonomiku Amerikan (il-patt mal-Kapital), u rebħa elettorali oħra (li s’issa għadha kostituzzjonalment impossibbli) li bilfors iġġagħlu jibni alleanza mal-klassi tal-ħaddiema.
Xejn aktar, xejn anqas.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 13 ta’ Aprl, 2025.
//= $special ?>