Amo Frank Kwaku ta’ 28 sena mill-Ghana li qed jistenna biex jgħaddi ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Isaac Kwabena Kyere ta’ 23 sena, li nqatel bi 18-il daqqa ta’ sikkina waqt ġlieda fi Triq it-Tigrija fil-Marsa, ingħata il-ħelsien mill-arrest.
Il-vittma li huwa mill-Ghana, allegatament ingħata d-daqqiet tas-sikkina wara argument fuq flixkun whisky. Dan kien ħareġ waqt il-ġbir tal-provi fil-Qorti fejn kien irriżulta wkoll li żewġ immigranti oħra li raw l-argument kienu xehdu li kien hemm battibekk fuq min minnhom kellu jieħu miegħu flixkun whisky meta ltaqgħu għall-ikel fid-dar tagħhom (tax-xhieda).
Wieħed mix-xhieda kien qal li ra lill-vittma jaqbad sikkina bħal donnu biex jhedded lil Kwaku biha, u iktar tard rahom jiġġieldu fit-triq. Qal li meta mar biex iferraqhom, ra lil Kyere jaqa’ mal-art. Mill-awtopsja irriżulta li Isaac Kwabena Kyere kellu b’kollox 18-il daqqa b’sikkina, fosthom erbgħa f’sidru u f’żaqqu. Huwa nstab f’għadira demm u miet iktar tard fl-isptar.
Amo Frank Kwsaku qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil Kwabena Kyere, f’Ġunju tal-2021 fi Triq it-Tiġrija l-Marsa. Il-vittma nqatel b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina. F’Diċembru li għadda, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li quddiemha se jinstema’ l-ġuri, ħarget mandat ta’ arrest fil-konfront tal-akkużat wara li naqas milli jidher ripetutament il-Qorti.
Dakinhar huwa rreżista l-arrest u kien aggressiv waqt li kien qed jiġi eskortat fil-karozza tal-pulizija u aktar tard fil-lockup. Sussegwentement ġie mixli li weġġa’ ħafif lill-pulizija, li rreżista l-arrest, li heddidhom, li rrifjuta li jobdi ordnijiet kif ukoll li pprova jaħrab waqt li kien taħt il-kustodja tal-Pulizija.
Fi Frar il-Qorti Kriminali semgħet lix-xhud Emanuel Farrugia jiddikjara li kien lest li jimpjega lill-akkużat bħala ħaddiem miegħu, minkejja li kien jaf li jinsab mixli bi qtil u għalhekk laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest mill-ġdid, fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Intant, l-akkużat talab ukoll il-ħelsien mill-arrest quddiem il-Maġistart Astrid May Grima b’rabta mal-każ ta’ Diċembru. Huwa ngħata wkoll il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €10,000.
Din id-darba, l-akkużat tqiegħed taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja sas-sentenza filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-kuntistabbli.
L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit qed jidhru għal Kwaku.
//= $special ?>