F’dawn il-jiem, il-band lokali Angelcrypt tinsab iddoqq f’tour impenjat f’diversi bliet madwar l-Ewropa bħala parti minn Through Blackened Waters European Tour.
Angelcrypt li ddoqq death metal melodiku huwa wieħed mill-ambaxxatur denji ta’ pajjiżna f’dan il-ġeneru li daqq f’għadd ta’ kunċerti u parteċipazzjoni f’metal festivals internazzjonali.
Angelcrypt daqq fi Klub Żaczek fi Krakow, fil-Polonja, u għalaq l-ewwel parti ta’ dan it-tour internazzjonali li tnieda fl-4 ta’ April fir-Repubblika Ċeka. F’dan l-ewwel parti tat-tour, Angelcrypt daqq f’10 kunċerti fir-Repubblika Ċeka, is-Slovakja, ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Polonja.
F’Through Blackened Waters European Tour 2025, Angelcrypt qed jingħaqdu ma’ tliet bands oħra f’dan il-ġeneru: Effrontery mill-Ungerija, Dysangelium mir-Repubblika Ċeka li t-tnejn idoqqu death metal, u Velkhanos minn Spanja li ddoqq melodic symphonic death metal.
It-tour ikompli b’żewġ kunċerti f’Lulju. L-appuntament għat-tielet parti ta’ dan it-tour hu għal Settembru fejn Angelcrypt, il-headliners f’dan it-tour, u l-bands l-oħra jduru bliet fl-Olanda, il-Ġermanja u l-Iżvizzera b’sensiela ta’ kunċerti oħra.
Dan it-tour huwa parti mill-promozzjoni li Angelcrypt qed jagħmel bi promozzjoni għas-single kurrenti ‘Through Blackened Waters’, maħruġa fid-19 ta’ Marzu li għadda. Is-sena l-oħra, Angelcrypt nieda ‘Legacy of War’ filwaqt li fis-sena ta’ qabel ħareġ ‘Forever Hero’. Bla dubju, l-album Dawn of the Emperor ikompli joħroġ l-element death metal melodiku b’temi marbuta mal-istorja, l-aktar il-ġrajja tal-Ewwel Gwerra Dinjija li hija għal qalb il-membri ta’ Angelcrypt.
Minn hawn nawguraw aktar suċċess lil Angelcrypt f’qasam internazzjonali.
