Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Chantalle Gauci – l-omm li wriet imħabba u kuraġġ

“Ħallejtna ħesrem u bla kliem.”

“L-att ta’ mħabba ta’ omm, is-sagrifiċċju u l-kuraġġ li wrejt biex it-tifla ma tweġġax…kien xiehda tal-karattru b’saħħtu li kellek. Ħallejt vojt kbir, imma aħna kburin bik.”

Dan huwa l-messaġġ li twassal meta t-Tlieta ingħatat l-aħħar tislima lil Chantalle Gauci fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan…fejn ħafna inġabbru biex isellmu lil din l-omm ta’ 38 sena li tilfet ħajjitha fit-traġedja nhar l-10 ta’ April wara li b’mod mill-aktar sfortunatat ċediet il-vettura tagħha għal fuqha.

Xhieda fil-post kienu spjegaw kif il-mara provat minn kollox biex twaqqaf il-karozza tagħha milli tibqa’ nieżla ‘l isfel waqt li f’dak il-ħin kien hemm proprju bintha ta’ 6 snin fil-vettura.

Matul l-omelija waqt dan il-funeral, Patri Charles Mallia saħaq kif Chantalle wriet xi jfissru verament l-imħabba u l-kuraġġ ta’ omm li lesta tħallas l-ogħla prezz biex issalva lill-wild tagħha.

Intqal ukoll illi Chantalle ma kinitx biss omm imma kienet bint, kienet ħabiba li dejjem kienet lesta sabiex tgħin lil ħaddieħor; tilqgħu bi driegħha miftuħin beraħ u bi tbissima mimlija ferħ u tama.

Tul dawn il-jiem bosta kienu dawk fuq il-midja soċjali li ġeddew il-memorji sbieħ li għadhom ta’ din il-mara li dejjem kienet tara kif tagħmel biex kull attività bejn il-ħbieb jew qraba tagħmilha waħda memorabbli.

Dawk preżenti t-Tlieta filgħodu, għalkemm mnikkta bit-telfa ta’ Chantalle huma ċerti li l-att kuraġġjuż tagħha se jkun qed jibqa’ mfakkar –bil-memorja tagħha tibqa’ ħajja għas-snin li ġejjin.