Internazzjonali

Ukrajna: ‘Il-ħtija għall-gwerra hi tiegħek daqs kemm hi ta’ Putin’…Akkuża oħra ta’ Trump lil Zelensky

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mill-ġdid ħareġ jikkritika b’mod qalil lill-President Ukren, Volodymyr Zelensky, u fejn akkużah bħala ‘il-kaġun tal-gwerra mar-Russja’ li issa daħlet fir-raba’ sena… Fl-istess ħin, l-aħħar kummenti ta’ Trump ma jidhrux li kalkulaw l-attakk ta’ nhar il-Ħadd mir-Russi fuq il-belt Ukrena ta’ Sumy u fejn il-missili qatlu mal-40 ċivili  – b’aktar minn 120 jisfaw midruba.

Donald Trump, issa, qal ċar u tond li Zelensky irid jaqsam il-ħtija mal-President Russu Vladimir Putin għall-konflitt li ħalla ‘il-miljuni tal-mejtin’ u, fi kritika diretta lill-Ukrajna, sostna li ‘ma jistax ikun hemm sitwazzjoni fejn pajjiż jibda gwerra kontra pajjiż ieħor 20 darba aktar minnu waqt li  jippretendi li l-pajjiżi l-oħrajn se jipprovdulu l-missili biex ikompli bil-battalji.’

Dawn il-kummenti ngħataw lill-ġurnalisti fil-White House, b’Donald Trump jirriserva wkoll kritika speċjali għal Joe Biden, il-President Amerikan ta’ qablu, rigward ‘ir-rwol tiegħu li permetta biex il-gwerra tkompli għaddejja’.

Il-kummenti ta’ Trump stunaw bil-kbir mas-sens ta’ għadab internazzjonali dwar l-aħħar attakk indiskriminattiv tal-qawwiet Russi fuq il-belt ta’ Sumy…Attakk li qed ikun imfisser bħala l-akbar wieħed ta’ din is-sena fuq iċ-ċivili Ukreni.

Qabel infexx fl-akkużi ġodda kontra Zelensky, il-President Trump kien irrefera għad-dmija f’Sumy bħala ‘xi ħaġa terribbli’ iżda fl-istess ħin, tenna – b’referenza għall-attakk — li r-Russja kienet ‘wettqet żball’ fiċ-ċirkustanzi.

U issa Trump qed isostni mal-ġurnalisti li f’din il-gwerra ‘kellhom imutu l-miljuni tan-nies minħabba tlett persuni – f’dan il-każ Vladimir Putin, Joe Biden u Zelensky’.

Dan meta hu kalkulat li l-mijiet tal-eluf – mhux il-miljuni – ta’ nies inqatlu jew indarbu fuq kull naħa mindu l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar tal-2022.

Meta l-istampa staqsiet lil Trump dwar il-kompetenza ta’ Zelensky bħala mexxej, hu rrimarka li l-President Ukren ‘dejjem ħsiebu fl-akkwist tal-missili’ – fost il-kumment li ‘jekk xi ħadd għandu jaqbad gwerra ma ħaddieħor, irid ikun jaf li għandu joħroġ rebbieħ minnha’.

It-tensjoni bejn Trump u Zelensky ftit li xejn battiet mindu tal-ewwel ħa t-tmun tal-Istati Uniti uffiċjalment fil-bidu tas-sena. Fl-istess ħin, hemm indikazzjonijiet kbar li l-Istati Uniti, taħt Trump, mhix se tkompli tgħin bl-armamenti lill-Ukreni biex huma jiddefendu s-sovranità ta’ pajjiżhom quddiem il-Magna tal-Gwerra ta’ Putin.

U l-aħħar battuti ta’ Trump jidhru li qed jirriflettu l-fehma ġenerali tiegħu u tal-Viċi-President Amerikan JD Trump li, waqt il-laqgħa li kellhom fi Frar ma’ Zelensky fil-White House (ta’ Washington), akkużaw lill-istess Zelensky b’li ‘kien qed jissogra l-bidu ta’ Tielet Gwerra Dinjija’ u fost l-insistenza li Mexxej Ukren ‘kien messu li ilu li beda taħditiet għall-paċi ma’ Putin’.

Fl-istess ħin, il-President Amerikan qed jagħmel l-isforzi biex itejjeb ir-relazzjonijiet mar-Russja, anki jekk hu jinsab frustrat dwar il-fatt li Vladimir Putin mhux juri interess partikulari biex iwaqqaf il-gwerra…Aġir li qed iservi bħala intopp għall-isforzi ta’ medjazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti. Dan ukoll meta l-aħħar taħditiet bejn l-uffiċjali Amerikani u Russi naqsu milli jipproduċu ftehim sod għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna —  u minkejja li, fi Frar, l-Amerikani kienu vvutaw, flimkien ma’ Moska, dwar riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li identifikat lir-Russja bħala l-aggressur fil-gwerra tagħha mal-Ukrajna.