Lokali Qorti

Wieħed mis-suspettati fis-serqa ta’ 132 kilo kannabis minn kontejner tal-Forzi Armati jingħata l-libertà proviżorja

Liam Stewart ta’ 23 sena minn Tal-Pietà akkużat b’rabta mas-serqa ta’ 132 kilo kannabis minn kontejner li kien taħt il-kustodja tal-Forzi Armati ġewwa Ħal Safi ingħata l-libertà proviżorja t-Tlieta wara nofs inhar. Stewart kien tressaq il-Qorti fis-27 ta’ Frar u akkużat b’pussess u traffikar ta’ raża tal-kannabis u kokaina u kien mixli wkoll li saq mingħajr liċenzja u li kkaġuna ħsara volontarja fuq vann.

Fil-but tal-akkużat instabet borża tal-plastik li kien fiha raża tal-kannabis u sustanza maħsuba li hija kokaina nstabet ukoll fil-karozza tiegħu. Aktar tfittxijiet fir-residenza tiegħu sabu żewġ boroż addizzjonali li kien fihom ammont sostanzjali ta’ blanzuni tal-kannabis kif ukoll suspett ta’ kokaina.

Fil-Qorti, l-pulizija qalet li Stewart allegatment kien qed iżomm parti mid-droga li nsterqet mill-kontejner. Waqt l-arrest, iż-żgħażugħ prova jaħrab minn fuq il-post u kaġun t’hekk ikkawża diversi ħsarat fuq vettura li kienet wara l-karozza tiegħu.

Fis-26 ta’ Frar, Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Carlos Pace ta’ 23 sena mill-Marsa, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar u Cleaven Pace ta’ 19-il sena mill-Marsa ġew mixlija wkoll b’rabta mas-serq tad-droga u kollha ġew miċħuda l-libertà proviżorja.

Christa Gauci, it-tfajla ta’ Cleaven Pace, żagħżugħa ta’ 19-il sena li flimkien ma’ ħu Carlos, ġiet mixlija bis-serqa u wkoll miċħuda l-ħelsien mill-arrest. Madankollu, Liam Stewart ingħata l-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €15,000 u ordnat jiffirma l-ktieb tal-pleġġ kuljum.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Alfredo Mangion u Jeffrey Scicluna Briffa bl-assistenza tal-avukat tal- AĠ Maria Francesca Spiteri. Għal Stewart dehru l-avukati difensuri Franco Debono, Adreana Zammit, u Marion Camilleri. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo bil-pleġġ jingħata mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.