Żewġ subien adoloxxenti ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ammettew li kkaġunaw ġrieħi gravi lil żagħżugħ ieħor waqt ġlieda fil-ġonna ta’ Hastings, fil-Belt Valletta. Student ta’ 16-il sena minn Ħal Tarxien u tifel impjegat ta’ 17-il sena minn Ħaż-Żabbar ġew arrestati nhar it-Tnejn u tressqu l-Qorti taħt arrest.
Minbarra li kkaġunaw ġrieħi gravi lil minorenni ieħor, is-subien ġew akkużati wkoll li insulentaw u heddew lill-vittma u li kisru l-paċi pubblika. L-ispettur tal-Pulizija Jeffrey Rizzo qal lill-Qorti li l-Pulizija kienet infurmata dwar ġlieda f’Hastings fis-7 ta’ Marzu, fejn il-vittma rrapporta li kien imsawwat għall-ħabta tad-9:30pm.
Il-vittma fil-bidu ppreżenta ċertifikat mediku li wera li ġarrab ġrieħi ħfief. Iżda ċ-ċertifikat ġie aġġornat l-għada li kien jgħid “gravi”, peress li ħareġ li ġarrab ksur fix-xedaq. Il-vittma pprovda wkoll filmati fuq il-mobile tal-ġlieda u ‘screenshots’ meħuda minn fuq il-midja soċjali ta’ wieħed mill-akkużati li fihom ritratt tal-allegata ġlieda bit-titlu “bla ħniena”.
Hawn intervjenew l-akkużati, involvew ruħhom u spiċċaw jiġġieldu mal-vittma. Il-Prosekutur l-Avukat Valentina Cassar qalet lill-Qorti li fid-dawl tal-ammissjoni bikrija u l-fatt li huma minorenni, il-prosekuzzjoni ma kinitx qed toġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest li saret mid-difiża.
L-avukat difensur Franco Debono qal lill-Qorti li ż-żgħażagħ m’għandhomx il-mezzi biex iħallsu depożitu. Il-Qorti laqgħet it-talbiet u tathom il-libertà proviżorja sakemm tingħata s-sentenza kontra garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed.
Ġew ordnati wkoll jiffirmaw f’Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Qorti ordnat projbizzjoni fuq l-ismijiet tal-akkużati minħabba l-fatt li huma minorenni. Il-partijiet qablu li l-kumpilazzjoni tal-provi tinstema’ fil-Qorti tal-Minorenni.,
Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. L-Avukat Valentina Cassar f’isem l-Uffiċċju tal-AĠ assistit mill-Ispettur tal-Pulizija Jeffrey Rizzo.
Wieħed mill-minuri, dak ta’ 16-il sena kien assistit mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri, filwaqt li l-minuri l-ieħor ta’ 17-il sena kien assistit mill-avukat Amadeus Cachia.
//= $special ?>