Anthea Grech, Matthea Grech u Anna Honak huma t-tliet tfajliet wara l-kumpanija ‘Żiffa Maltija’, kumpanija magħmula kollha kemm hi minn dawn l-istudenti tal-Junior College – kumpanija li ħolquha bħala parti mill-Junior Achievement Company programme.
It-Tlieta filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat mix-Shadow Ministers Justin Schembri u Bernice Bonello, laqa’ lil dawn iż-żgħażagħ fl-uffiċċju tiegħu fejn tkellmu dwar x’ispirahom biex waslu s’hawn. Huma spjegaw li flimkien mhux biss ħolqu u żviluppaw il-kumpanija iżda għamlu wkoll distribuzzjoni ta’ dawn il-fwejjaħ tan-nisa.
Stqarrew ukoll li xtaqu jagħmlu fwieħa b’isem Malti – filwaqt li jixtiequ aktar ‘il quddiem joħolqu fwieħa għall-irġiel ukoll.
Huma spjegaw li dan il-proġett huwa wieħed sostenibbli, magħmul minn kważi 100% ingredjenti naturali. Dan jixhed il-ħidma u l-kuxjenza ekoloġika li għandhom dawn iż-żgħażagħ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista feraħ u faħħar il-ħidma ta’ dawn iż-żgħażagħ, filwaqt li awguralhom għall-proġetti futuri tagħhom.
