Kummerċ Lokali

BOV Asset Management jappoġġja lil Puttinu Cares

Donazzjoni mnebbħa mill-klijenti

Il-BOV Asset Management għamel ġest sinifikanti lejn Puttinu Cares permezz ta’ donazzjoni filantropika li saret f’isem il-klijenti istituzzjonali tiegħu. Id-donazzjoni ġiet ippreżentata waqt avveniment għall-klijenti li sar fil-BOV Premium Centre, f’Santa Venera.

Din l-inizjattiva, issa fit-tieni edizzjoni tagħha, tifforma parti mill-għanijiet usa’ tal-ESG u tal-impatt soċjali tal-Grupp Bank of Valletta. L-avveniment enfasizza l-impenn tal-Bank li jappoġġja kawżi li jarrikkixxu l-ħajja tal-vulnerabbli u tal-komunità. Dan huwa mod innovattiv kif rigali korporattivi, normalment assoċjati ma’ avvenimenti bħall-Milied, jiġu sostitwiti b’donazzjonijiet filantropiċi, u b’hekk il-klijenti jingħataw l-opportunità li jkunu parti minn skop usa’ fl-appoġġ lill-familji fil-bżonn.

Waqt intervent qasir f’din l-attività, Peter Paul Cilia, il-Kap tal-BOV Asset Management li għadu kif inħatar, irrimarka: “Din l-inizjattiva tmur lil hinn minn ġest sempliċi; huwa mod prattiku ta’ kif issir differenza vera. Qed nappoġġjaw lil Puttinu Cares u ngħinu lill-familji waqt mumenti diffiċli f’ħajjithom. L-appoġġ tal-klijenti tagħna f’dan kollu jagħmel din l-attività aktar u aktar sinifikanti.”

Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, żied jgħid: “Puttinu Cares jirrappreżenta l-aqwa f’dak li l-komunitajiet lokali joffru – kompassjoni, saħħa u appoġġ bla heda għall-vulnerabbli. Aħna kburin li nkunu spalla għalihom u ngħinu ntaffu ftit mill-piż li qed iġorru dawk il-familji li għaddejjin minn sfidi, li aħna lanqas biss nimmaġinaw. Din id-donazzjoni tirrifletti, mhux biss il-valuri tagħna bħala kumpanija, iżda wkoll dawk tal-klijenti tagħna, li jkomplu jħaddnu u jappoġġjaw din l-inizjattiva”.

Id-donazzjoni ġiet ippreżentata lil Angele Cuschieri, Rennie Zerafa, u Malcolm Custo, il-President, Kap Eżekuttiv u Viċi President tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, rispettivament. Waqt li rċeviet id-donazzjoni, Angele Cuschieri rringrazzjat lill-Bank mill-qalb f’isem il-Fondazzjoni u stqarret: “Ninsabu tassew grati għall-appoġġ kontinwu tal-Bank of Valletta. Donazzjonijiet bħal dawn jippermettulna nibqgħu noffru tama lill-pazjenti u lill-familji tagħhom. Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn l-appuntament annwali tal-Mixja ta’ Billejl tal-Ġimgħa l-Kbira, dan il-ġest isaħħaħ il-missjoni tagħna u jfakkarna li m’aħniex waħedna f’dan il-vjaġġ.”

Issa fl-għoxrin edizzjoni tagħha, il-Mixta ta’ Billejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, tibqa’ waħda mill-aktar avvenimenti sinifikanti ta’ ġbir ta’ fondi ta’ Puttinu Cares, li tara eluf ta’ nies jimxu mill-Mellieħa sal-Furjana. B’appoġġ għal din il-kawża, il-BOV Sports and Social Club qed jorganizza grupp ta’ impjegati u ħbieb biex jieħdu sehem f’din l-attività, b’diversi impjegati rreġistraw biex jipparteċipaw.