Sport Sport Ieħor

Falcons jirbħu it-Tazza Nazzjonali

Wara li ftit tal-jiem ilu rebħu l-ewwel finali tat-Tazza Nazzjonali kontra Paola Executive Security 3-0, it-Tlieta fil-għaxija Falcons għamlu ċert mir-rebħ ta’ dan l-unur meta reġgħu rebħu t-tieni finali bl-iskor ta’ 3-1. Il-finali saret fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera. 

Madankollu, din id-darba, Falcons, immexxija minn Jacques Seifert, kellhom jitħabtu ftit aktar biex rebħu dan il-konfront kontra l-leaders tal-Ewwel Diviżjoni Paola Executive Security. Falcons fetħu tajjeb u rebħu l-ewwel set 25 għal 11 u tilfu t-tieni wieħed 25 għal 23. Madankollu l-leaders tal-kampjonat Super League, Falcons, għamlu reazzjoni tajba u rebħu ż-żewġ sets l-oħra 25 għal 6 u 25 għal 18. 

Fi tmiem il-partita, Branko Vlahovic, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball ippreżenta t-Tazza Nazzjonali lil Alison Borg, Captain ta’ Falcons. Mingħajr dubju dan hu staġun pożittiv għal Falcons li jinsabu wkoll viċin li matematikament jirbħu wkoll is-Super League. Pożittiv ukoll għal Seifert li ngħaqad ma’ Falcons fil-bidu ta’ dan l-istaġun u f’temp ta’ ftit xhur se jkun qiegħed jirbaħ iż-żewġ unuri ewlenin tal-volleyball lokali. 

Min naħħa l-oħra għat-team ta’ Paola Executive Security, il-fatt li waslu sal-finali kien diġa’ unur meta tikkunsidra li dan it-team jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni. Dan l-istaġun Paola ddominaw dan il-kampjonat, ġew promossi u issa t-team immexxi minn Michael Magro, assistit minn Antonio Borg, iħares b’ottimiżmu lejn l-istaġun li jmiss li matulu jkun qiegħed jilgħab fl-ogħla diviżjoni. Il-finali tal-lbieraħ serviet ukoll biex Magro u Borg jikkomparaw il-livell tat-team tagħhom ma’ dak tal-aqwa team li hawn bħalissa fil-volleyball lokali