Għaxar t’ijiem wara li tħabbret il-mewt tal-eks internazzjonali Malti u wieħed mill-aqwa plejers Maltin ta’ kull żmien, Willie Vassallo, l-eks plejer ta’ Floriana fost l-oħrajn indifen fiċ-ċimiterju ta’ Keilor, f’Melbourne.
Vassallo miet nhar il-Ħadd, 6 t’April fl-etá ta’ 75 sena. Hu kien ilu li ħalla Malta lejn l-aħħar tas-snin 70 wara li kien emigra bil-familja b’kollox u baqa’ jgħix l-Awstralja sal-aħħar. Madankollu, Vassallo baqa’ jżomm kuntatt ma’ Malta u ma’ sħabu l-plejers lokali, li lagħab magħhom u kontra tagħhom matul il-karriera tiegħu bħala plejer f’Malta.
Ta’ spiss Vassallo kien jiġi għal jiem ta’ mistrieħ f’Malta, u fl-2017, f’waħda mill-aħħar drabi li ġie f’pajjiżna qabel miet, hu kien ta l-aħħar intervista tiegħu lill-ġurnalist Christian Micallef għar-rokna ‘X’Sar Minnhom?’ li għal numru ta’ snin kienet tifforma parti mill-kontenut tal-programm popolari, Replay Preview fuq Net Television.
F’jum l-aħħar tislima lil Willie Vassallo, Net News għażel li jsellem il-memorja sabiħa tal-eks captain tat-tim nazzjonali Malti, b’dan is-servizz qasir iżda informattiv.