Aktar kmieni dalgħodu, fil-Knisja Kattolika ta’ San Pawl, f’Kealba, fis-subborg ta’ Melbourne, fl-Awstralja, sar il-funeral tal-eks captain tat-tim nazzjonali Malti u leġġenda ta’ Floriana, Willie Vassallo li miet aktar kmieni dan ix-xahar.
Vassallo miet fl-etá ta’ 75 sena, u sal-lum għadu jitqies bħala wieħed mill-aqwa plejers Maltin ta’ kull żmien fl-istorja tal-futbol lokali. Fir-rwol ta’ plejer f’nofs il-grawnd, Vassallo jibqa’ mfakkar għall-karriera brillanti li kellu bħala plejer ta’ Floriana.

Willie Vassallo bit-trofew tal-plejer tas-sena tal-MFA, li kien rebaħ fit-tmiem tal-istaġun 1973/74
Gżirjan, biż-żewġ ġenituri tiegħu kienu mill-Belt Valletta, Vassallo kien issieħeb ma’ Floriana fl-1966 u sakemm ġie biex emigra lejn l-Awstralja, hu kien ifforma parti minn tim glorjuż ta’ Floriana, mimli ismijiet ta’ plejers b’talent. Ma’ Floriana, Vassallo rebaħ 19-il unur, fosthom ħames darbiet l-unur ta’ champions ta’ Malta.
Fit-tmiem tal-istaġun 1973/74, Vassallo kien rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA. Hu lagħab 31 darba mat-tim nazzjonali Malti, u skorja darbtejn. F’numru ta’ drabi saħansitra kien il-captain ta’ Malta.
Fl-1978, Vassallo kien ħa d-deċiżjoni li jemigra flimkien mal-mara tiegħu u l-bqija tal-familja, lejn l-Awstralja fejn hemmhekk kompla jilgħab il-futbol ma’ Green Gully SC.
Id-difna ta’ Willie Vassallo saret fiċ-ċimiterju ta’ Keilor, 13-il kilometru fil-majjistral ta’ Melbourne.
Aktar tard illejla, permezz tal-paġna ta’ Net News fuq Facebook, se nkunu qed nerġgħu infakkru l-memorja sabiħa ta’ Vassallo, li bla dubju sal-lum kien wieħed mill-aqwa plejers li qatt lagħab għat-tim nazzjonali Malti, fi kwalunkwé era tal-futbol Malti.
//= $special ?>