Il-Gvern Laburista jilgħab b’art in-nies daqs kemm jilgħab bi kliemu.
L-istess Gvern Laburista li jrid li jiżviluppa art agrikola pubblika f’Tal-Bebbux fiż-Żurrieq, qed jgħaddi art tal-poplu f’Bulebel, iż-Żejtun minn entità tal-Gvern għall-oħra biex, skont kif qed jgħid illum, ma tiġix żviluppata.
Dan intqal fi stqarrijja mill-Partit Nazzjonalista, immexxijja mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, Stanley Zammit u ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd, Toni Bezzina.
Minkejja l-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li jixtri proprjetà privata biex jibdilha fi spazji għat-tgawdija tal-komunitajiet; minkejja l-kliem li “art pubblika għandha titgawda minn kulħadd”; minkejja li bil-paroli l-Gvern jgħid li jixtieq iħares l-ambjent, jippreserva l-art agrikola u jimmaniġġja fl-aħjar interess pubbliku l-art tal-poplu; bil-fatti, wara li żarma l-Awtorità tal-Ippjanar mir-riżorsi, dawwarha f’Awtorità tal-Permessi u ħalla l-ippjanar jaqa’ għaxar snin lura. Mhux talli mhux qed jieħu ħsieb l-interessi tal-pubbliku, imma talli agħar minn hekk, qed jagħti artijiet pubbliċi biex ikun ħaddieħor li jiddeċiedi xi jsir minnhom.
Fiż-żona magħrufa bħala Tal-Bebbux fiż-Żurrieq, il-Gvern Laburista lest jagħti art agrikola pubblika li bħalissa tinħadem mill-bdiewa żgħażagħ, bl-uniku skop li jaġevola u jiffaċilita żvilupp privat.
Meta ttrasferixxa art agrikola f’Bulebel fiż-Żejtun mingħand l-awtorità tiegħu INDIS lura għand l-Awtorità tal-Artijiet, il-Gvern naqas li jpoġġi fuq quddiem l-interessi tal-poplu meta ma daħħalx kundizzjoni li din l-art ma tistax tiġi żviluppata. Kieku verament ried li jinstab bilanċ bejn l-interessi kummerċjali u privati, u l-wirt naturali, il-Gvern ta’ Robert Abela kien ineħħi din l-art mill-iskema ta’ żona industrijali fejn jistgħu jinbnew il-fabbriki u jiddikjaraha bħala art li ma tistax tiġi żviluppata. B’hekk kien jassigura li din tibqa’ tiġi maħduma mill-bdiewa.
Il-Gvern Laburista għandu jieqaf joħroġ bi skużi u jinħeba wara Awtorità tal-Ippjanar bla riżorsi. Għandu jieqaf jitkellem u jwaħħal f’kulħadd minbarra fih innifsu u minflok, jammetti li f’dawn l-aħħar 12-il sena, Prim Ministri u Ministri, wieħed wara l-ieħor, bl-aktar mod intenzjonat staġnaw is-sistema tal-ippjanar, għażlu li jtawlu l-bidla meħtieġa fil-pjanijiet u l-policies, u naqsu milli jagħmlu dak li kienu obbligati li jagħmlu.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-wegħda tiegħu li biex art li bħalissa hija barra miz-zona ta’ żvilupp tiddaħħal fiz-zoni tal-iżvilupp ikun jinħtieġ il-vot ta’ żewġ terżi tal-Parlament. Ta’ kull sena jsir ukoll eżerċizzju fejn il-Gvern iżid 50,000 metru kwadru ta’ art pubblika meqjusa bħala barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ).
Gvern Nazzjonalista jagħti l-possibbiltà lil kull ċittadin, sew jekk waħdu sew jekk f’għaqda, biex jisfida policies tal-ippjanar fil-Qorti meta jħoss li dawn qed inaqqru mid-drittijiet fundamentali tiegħu, fosthom dawk ambjentali.
Il-Partit Nazzjonalista, sa mill-ewwel ġurnata fil-gvern, jara li jsiru studji dwar il-mod kif qed jiżviluppaw il-lokalitajiet u l-komunitajiet li ngħixu fihom waqt li jibni mill-qiegħ sistema tal-ippjanar olistika, ċara, kontabbli, trasparenti, ġusta, li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja, li tagħti ċ-ċertezza, is-sigurtà u s-serħan tal-moħħ u li bl-involviment sħiħ tal-komunità jkun żgurat żvilupp verament sostenibbli.
Il-Partit Nazzjonalista mhux bil-kliem imma bil-fatti jara li l-ambjent u s-sostenibbiltà jkunu protetti, b’differenza mill-kliem fieragħ tal-Gvern li ta’ kuljum jikkonferma li kapaċi biss iħares l-interessi tiegħu.
//= $special ?>